“Qed naħdmu f’kundizzjonijiet prekarji. U ħadd ma jrid jismana”.
Hija din il-karba li waslitilna fl-aħħar jiem mingħand numru ta’ Adult Educators illi ġabru petizzjoni sabiex il-Ministru Evarist Bartolo jieħu azzjoni. Dan hekk kif, huma qed jitolbu li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni joffrilhom appoġġ akbar, ikollhom job security, jibdew jitħallsu tal-ħin li jqattgħu jippreparaw il-lezzjonijiet, u tkun kunsidrata wkoll żieda fil-paga.
Dawn l-Adult Educators ma gawdew xejn mill-ftehim li ffirma l-Gvern ftit tax-xhur ilu mal-għalliema.
Net News hu nfurmat li bħalissa hawn xejn anqas minn 420 persuna jaħdmu bħala edukaturi li joffru dawn il-korsijiet u lezzjonijiet f’diversi ċentri, Kunsilli Lokali u anke f’għaqdiet mhux governattivi.
Dawn l-għalliema jitħallsu €11.65 għal kull siegħa ta’ lezzjoni, u xejn aktar. Għall-preparazzjoni tal-korsijiet ma jitħallsu xejn. U lanqas għall-ħin li jqattgħu mal-istudenti wara l-klassi, u l-ħin amministrattiv iwieġbu emails, domandi u korrispondenza.
Apparti minn hekk, huma jkollhom klassijiet b’persuni li għandhom abbiltajiet varji, iżda bla ebda appoġġ ta’ LSA.
Il-maġġoranza ta’ dawn l-Adult Educators huma għalliema kwalifikati fis-suġġetti rispettivi. Iżda għalihom, ma hemm ebda ċertezza ta’ xogħol. Dan hekk kif fi ftit tal-ġranet oħra, hekk kif jibda is-Sajf, jerġa’ jitterminalhom il-kuntratt tagħhom.
“Hu għalhekk li qed nitolbu job security”, qalilna wieħed minn dawn l-edukaturi.
Nies oħra li tkellmu magħna spjegawlna li ġieli f’xahar lanqas itellgħu paga ta’ €400 bil-ftit lesson hours li jkollhom. “Din hi s-sitwazzjoni ta’ prekarjat li ninsabu fiha”, stqarrew magħna dawn l-edukaturi.
//= $special ?>