Lokali

Arrestat ir-raġel li ħarab mill-post fejn seħħet l-isplużjoni fil-Għargħur

Il-Pulizija rnexxielha tarresta lit-tielet raġel li kien fil-post fejn l-Erbgħa wara nofsinhar splodiet bomba li ħalliet lil Kevin Ellul midrub fil-Għargħur.

Minbarra Ellul, li għadu qed jirkupra l-Isptar, l-investigaturi tkellmu ma’ raġel li kien qed jistennieh fuq barra tal-garaxx fejn ħadet il-bomba, iżda t-tielet persuna kienet ħarbet immedjatament.

Sadattant l-ewwel investigazzjonijiet stabbilew li l-bomba ma kinitx b’saħħitha daqs dawk li fl-aħħar xhur u snin tpoġġew mal-karozzi f’diversi episodji riċenti.

L-ewwel indikazzjonijiet juru wkoll li l-bomba kienet għadha miftuħa jew li għadha qed tiġi finalizzata, iżda għad hemm bżonn iktar analiżi dettaljata.

Dan hekk kif l-investigazzjoni għadha fi stadju bikri, bl-esperti li ma waslu għall-ebda konklużjoni u mhux jiżbilanċjaw ruħom lanqas dwar jekk il-vittma, magħruf bħala d-double zero, kienx qed iħejji l-bomba jew kienx fil-mira tagħha.

Ellul, li hu magħruf mal-Pulizija b’konnessjoni ta’ persuni involuti fit-traffikar tad-droga, mistenni jiġi interrogat għalkemm l-investigaturi mhux jistennew li se jikkopera magħhom.