Lokali

Bajla tal-konkos tisplodi fil-Gżira – ħsarat f’numru ta’ residenzi

Inċident li seħħ nhar il-Ħamis li għadda, wara s-sebgħa ta’ filgħaxija, seta’ kellu konsegwenzi ferm agħar meta bajla tal-konkos splodiet.

Il-każ seħħ fi Triq Patrick Stewart, fil-Gżira, iżda minkejja li fuq il-post waslet preżenza qawwija ta’ Pulizija, kemm mid-distrett kif ukoll mir-Rapid Intervention Unit, kif ukoll ambulanza f’każ ta’ bżonn, kelliema għall-Pulizija qalet lil Net News li ma nstab l-ebda rapport.

Dan hekk kif ir-residenti tal-inħawi rrakkuntawlna mumenti ta’ tensjoni u biża’ meta ħaddiema Maltin u barranin li kienu qed jaħdmu f’dan is-sit ġew fl-idejn fost akkużi lejn xulxin dwar it-tort ta’ dan l-inċident.

Ir-residenti sofrew ukoll xi ħsara. Tant hu hekk li jumejn wara, fil-post stajna ninnutaw titjir tal-konkos mal-faċċati u l-ħġieġ tar-residenzi, bil-kuntrattur li s-Sibt filgħodu mar fil-post biex ikompli bit-tindif.

Dan hu biss l-iktar każ riċenti minn sensiela fejn persuni fl-inħawi tal-Gżira riċentament setgħu jgħodduha b’waħda. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, żewġ tfajliet laħqu għaddew bl-eżatt qabel ħajt iġġarraf għat-triq.

Il-kostruzzjoni f’kull rokna tal-Gżira, l-Imsida, Tas-Sliema u l-inħawi qed twassal għal sensiela ta’ lmenti anke mal-awtoritajiet, b’diversi rapporti quddiem il-Pulizija kawża ta’ storbju minn siti ta’ kostruzzjoni f’kull ħin tal-ġurnata.

Tfittxija sempliċi għall-applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar turi li s-sitwazzjoni mhux mistennija titjieb fil-futur qarib.

Dan hekk kif quddiem l-Awtorità, f’dawn l-inħawi biss, hemm kważi 2,700 applikazzjoni fil-Gżira biss, iktar minn 3,600 applikazzjoni fl-Imsida u f’Tas-Sliema hemm kważi 5,800 applikazzjoni.

Filwaqt li wħud minn dawn l-applikazzjonijiet huma minuri, bħal pereżempju alterazzjonijiet, dawn ma jinkludux ix-xogħol li beda fuq siti li għalihom diġa ħareġ il-permess.