Anthony Bonello, eks uffiċjal għoli fi ħdan l-Enemalta, inħeles minn kull akkuża ta’ miżapproprjazzjoni u frodi.
Bonello, li għandu 64 sena, kien jokkupa l-kariga ta’ Kap tar-Riżorsi Umani fi ħdan l-Enemalta, meta f’daqqa waħda spiċċa jaffaċċja diversi akkużi, inkluż li għamel użu ħażin minn credit cards f’każi li jmorru lura sal-2014.
Iżda quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, Bonello mhux biss inħeles minn kull akkuża iżda nstemgħu diversi xhieda li ddikjaraw li hu kien jagħmel xogħlu b’reqqa u kien jaqbeż għall-ħaddiema.
Tant hu hekk li fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat innutat li Bonello kellu għal qalbu l-interessi tal-ħaddiema u dejjem ħadem biex żamm relazzjoni tajba mal-unions kollha, b’mod speċjali dawk li kienu jistinkaw biex jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema.
Waqt li nnutat li quddiemha ma tressqet l-ebda evidenza b’saħħitha ta’ xi ksur ta’ liġi jew prattiċi ħżiena waqt xogħol Bonello, il-Maġistrat iddikjarat ukoll li l-każ li nġieb kontrih kien ibbażat fuq informazzjoni mhux kompleta bil-konsegwenza li tpenġiet stampa differenti mir-realtà.
Waqt li ċ-Chairman Frederick Azzopardi semma’ kif Bonello kellu għad-dispożizzjoni tiegħu allowance ta’ €500 kif ukoll Visa biex ikopri spejjeż relatati ma’ xogħlu, il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Finanzi tal-Enemalta ddikjara li qatt ma kien hemm xi problema jew ġie rrappurtat abbuż fl-ispejjeż ta’ Bonello.
Il-Qorti nnutat ukoll kif Bonello rrisponda għal kull mistoqsija li saritlu u ta spjegazzjoni valida għal kull spiża li għamel, waqt li għall-kuntrarju l-Pulizija saħansitra naqsu milli jinterrogaw lil kull min kien involut.
Fid-dawl ta’ dan kull akkuża fil-konfront tiegħu ġiet dikjarata nulla, bil-maġistrat Stafrace Zammit tagħti lil Bonello l-aqwa ċertifikat possibbli meta fis-sentenza tagħha stqarret li l-Prosekuzzjoni ma rnexxiliex tnissel imqar l-iċken dubju fuq l-akkużat jew tressaq l-inqas evidenza ta’ rregolarità minnu.
Anthony Bonello kien rappreżentat mill-avukat Joe Giglio.
//= $special ?>
