Il-Pulizija fl-Italja rnexxielha tkisser ċirku ta’ traffikar ta’ għasafar li kienu qed jiġu esportati anke lejn Malta.
Fl-investigazzjoni, imsemmija Free Wild Life, ġew arrestati disa’ persuni hekk kif instab li llegalment kienu qed jinqabdu mat-300 għasfur kuljum li jiġu traffikati għal qigħ li kien ilaħħaq il-miljun ewro f’sena.
Fil-maġġoranza tagħhom l-ispeċi protetti maqbuda kienu jiġu esportati, inkluż lejn Malta, għal prezz li jvarja bejn il-€25 u l-€100 kull għasfur, skont l-ispeċi u l-kwalità.
Instab li lejn Malta kienu jinġiebu bil-moħbi, abbord il-katamaran minn Pozzallo, diversi speċi speċjalment tal-għana, fosthom gardelli u vrieden.
L-għasafar li kienu jinqabdu u jinstab li mhux ta’ kwalità jew utli biżżejjed biex jiġu traffikati llegalment, kienu jinqatlu b’moħqrija.
Fost l-oħrajn instab li dawk arrestati kienu jiksru għonq l-għasafar jew billi jagħfsulhom rashom sakemm imutu. Dawn imbagħad kienu jinbiegħu lil ristoranti fil-Veneto u l-Lombardija.
Dawk arrestati, ilkoll Taljani, qed jaffaċċjaw akkużi fostom dawk t’assoċjazzjoni f’atti llegali, li rċivew oġġetti misruqa u qtil u moħqrija ta’ annimali.
//= $special ?>
