Taħt Gvern Laburista, in-nies mhux biss qed jirċievu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma aktar spiss mingħand l-ARMS, iżda qed jirċievuh ogħla.
Dan jirriżulta minn stħarriġ li sar fuq l-ewwel 100 kont li n-nies ġabu magħhom għand il-Partit Nazzjonalista wara sejħa li għamel il-Kap tal-Partit Adrian Delia. Minn dan l-istħarriġ jirriżulta li minn 100 familja, madwar 80% spiċċaw iħallsu aktar milli suppost, bid-diskrepanzi fil-ħlasijiet ivarjaw bejn €6 u €600 fis-sena.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament David Agius qal li r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienet il-wegħda ewlenija tal-Partit Laburista meta rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Madankollu, in-nies qed jispiċċaw iħallsu aktar milli suppost.
Min-naħa tiegħu, il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Michael Briguglio qal li l-Gvern ilu s-snin jaf li l-kontijiet qed joħorġu ogħla milli suppost. Fl-2016, konsumaturi, ekonomisti, akkademiċi u NGOs ukoll ikkonfermaw dan u kif bil-mod aktar frekwenti kif jintbagħtu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, qed iwassal biex in-nies iħallsu ferm aktar milli suppost iħallsu.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, li għamel preżentazzjoni dwar l-analiżi tal-ewwel 100 kont. Hu qal li l-kalkoli li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista huma konservattivi għax ma’ jinkludux it-telf mill-eko-riduzzjoni.
In-nies bdew iġibu l-kontijiet tagħhom għand il-Partit Nazzjonalista wara li l-Ħadd li għadda, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stieden lin-nies imorru d-Dar Ċentrali bil-kontijiet ta’ sena. B’hekk isirilhom l-assessjar ta’ kemm qed jispiċċaw iħallsu aktar għad-dawl u l-ilma li jikkunsmaw.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ingħad li l-Partit Nazzjonalista se jkompli b’dan l-eżerċizzju u għalhekk qed iħeġġeġ lil aktar nies biex jieħdulu l-kontijiet ta’ sena sħiħa. B’hekk tkun tista’ ssir ġustizzja man-nies, filwaqt li min ħallas aktar milli suppost għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma, jieħu l-flus lura.
//= $special ?>