Colin Muscat (ritratt xellug) jinsab fil-periklu tal-mewt, raġel u mara ttieħdu l-isptar għall-kura waqt li sitt persuni oħra ħelsuha ħafif wara splużjoni li seħħet għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart ta’ wara nofsinhar.
Il-każ seħħ fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Qadi, is-Salini, limiti tan-Naxxar, quddiem il-kamra tal-Għaqda Piroteknika 11 ta’ Frar ta’ San Ġwann.
Minbarra l-vittma, weġġa’ wkoll żagħżugħ ta’ 25 residenti Ħad-Dingli, li sofra ġrieħi gravi, u mara ta’ 29 sena residenti l-Mosta, li sofriet ġrieħi ħfief. Huma ttieħdu immedjatament l-Isptar Mater Dei għall-kura waqt li grupp ta’ persuni oħra fil-post ma sofrewx ġrieħi.
Jirriżulta li d-dilettanti tan-nar, ilkoll liċenzjati, kienu qed iħejju biex flimkien jerħulha lejn il-Munxar, għall-festa ta’ din il-lokalità f’Għawdex.
F’kumment lill-media, Frans Xuereb, il-President tal-Għaqda Piroteknika 11 ta’ Frar ta’ San Ġwann, spjega li kemm l-Għaqda, kif ukoll dawk li kienu fil-post, huma liċenzjati, bix-xogħol li kien qed jinħadem tħalla xi ħin fuq barra u sploda waqt li kien qed jiddaħħal lura lejn il-kumpless.
Fil-post, issejħu membru tal-Protezzjoni Ċivili b’diversi vetturi tat-tifi tan-nar, kif ukoll mis-St John Rescue Corps u l-Explosive Ordnance Disposal tal-Forzi Armati ta’ Malta li kkoperaw flimkien biex neħħew il-periklu.
Dan hekk kif quddiem il-kamra tan-nar kien għad hemm xi nar żgħir li poġġa riskju li jseħħu splużjonijiet oħra.
Persuni fil-post li tkellmu ma’ Net News irrakkuntaw kif għall-ewwel semgħu bħal murtal wieħed li ħa, qabel imbagħad seħħet l-isplużjoni ewlenija. Irrakkuntawlna kif fortunatament in-nar li ħa kien fuq barra tal-kamra, għaliex li kieku l-inċident seħħ fuq ġewwa t-traġedja setgħet kienet ferm agħar.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Marse-Anne Farrugia li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet għadom għaddejjin.
Fuq Twitter, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia awgura fejqan ta’ malajr lill-feruti, filwaqt li tenna li kemm huma, kif ukoll dawk qrib tagħhom jinsabu fit-talb tal-poplu kollu. Fil-post kien hemm ukoll numru ta’ Deputati, fosthom Kristy Debono u Claudette Buttigieg.





