Lokali

Adrian Delia jipprovdi dokumenti li jixhdu li ma fadallux pagamenti dovuti

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia pprovda l-evidenza kollha li turi b’mod ċar kif qata’ kull ħlas pendenti mad-Dipartiment tat-Taxxa u li dan il-ħlas sar minn butu stess.

Dan hekk kif Adrian Delia laqa’ t-talba li saritlu u ltaqa’ mal-ġurnalisti ta’ The Malta Independent on Sunday fejn bid-dokumenti f’idu ta prova li ma fadallu l-ebda ħlas jew penali pendenti.

F’artiklu mill-editur David Lyndsey jingħad b’mod ċar li “din il-gazzetta issa rat eżattament minn fejn ġew il-flus biex Adrian Delia ħallas il-pagamenti dovuti. Kienet provduta b’evidenza iswed fuq l-abjad minn rekords pubbliċi li juru kif il-fondi ġew mill-bejgħ ta’ ishma f’kumpaniji li Adrian Delia kellu sehem fihom qabel laħaq kap tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll minn bejgħ ta’ proprjetà fis-Siġġiewi.”

Fost il-provi provduti minn Adrian Delia, hemm dokument uffiċjali mid-Dipartiment tal-Inland Revenue li jikkonferma li ma fadallu l-ebda ħlas ta’ taxxa jew bilanċi tal-FSS u SSC li huma pendenti.

Adrian Delia pprovda wkoll dokumenti uffiċjali mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji li juru kif hu ddispona mill-ishma tiegħu fi tliet kumpaniji. B’dawn id-dokumenti f’idejha, il-gazzetta tikkonferma li l-valur tal-ishma hu ferm ogħla mill-pagamenti li kellu dovuti.

Dawn id-dokumenti jġibu fix-xejn l-insinwazzjonijiet tal-midja tal-Partit Laburista li Delia qed jaħrab milli jħallas dak dovut, jew inkella li għamel użu minn xi fondi tal-Partit Nazzjonalista jew fondi minn attivitajiet illeċiti. Allegazzjonijiet li issa huma mgiddba bi provi uffiċjali.

Dan hekk kif Adrian Delia pprovda wkoll statements finanzjarji li juru li l-flus miġbuda minnu kienu daħlu fil-kont bankarju tiegħu mill-bejgħ tal-ishma tiegħu jew minn bejgħ ta’ proprjetà.

Id-dokumenti jikkonfermaw ukoll li Adrian Delia ma gidibx fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu, kif insinwat il-midja Laburista, fost l-oħrajn għaliex proprjetà li l-Partit Laburista qal li ma ġietx dikjarata, fil-verità fuqha kien hemm kuntratt ta’ bejgħ saħansitra minn qabel daħal fil-politika u għalhekk din ma baqgħetx tiegħu.

Fil-konklużjoni ta’ The Malta Independent on Sunday saħansitra jkun dikjarat li Adrian Delia pprovda ferm iktar dokumenti u dettalji dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu milli kien hemm bżonn u ferm iktar milli qatt għamel kwalunkwe politiku Malti ieħor.

Fl-editorjal tagħha, l-istess gazzetta tagħmel kuntrast mal-Ministru Konrad Mizzi, li minkejja skandlu fejn inkixef b’kumpanija sigrieta fil-Panama, qatt ma pprovda d-dokumenti mitluba.

Li kieku għamel dan mill-bidu, bħalma għamel Adrian Delia, saħansitra kien jinkixef għax ma kienx jaf kemm il-midja taf u kienet se tikxef iżjed dwar il-kumpaniji u u trusts li pprova jaħbi anke fi New Zeland.

“Tħobbu jew tobgħodu, Adrian Delia qed juri mill-ġdid li mhux se jippermetti li l-integrità tiegħu tintefa’ f’dubju. Kull meta ddubitajnieh, avviċinana biex jiċċara dan,” jiddikjara l-editorjal.