Daniel Ricciardo kiseb is-seba’ rebħa fil-karriera tiegħu wara li rebaħ il-Grand Prix ta’ Monaco, f’tiġrija li beda mill-pole position u żamm il-quċċata għat-tiġrija kollha.
Hu patta għad-disfatta tal-2016 meta kien viċin li jirbaħ dakinhar, biex b’din ir-rebħa sar l-ewwel Awstraljan li rebaħ f’dan iċ-ċirkwit. Ricciardo rnexxielu jegħleb l-isfida ta’ Sebastian Vettel, anki jekk għal ħafna mit-tiġrija kellu problema ta’ nuqqas ta’ saħħa fil-magna.
Lewis Hamilton daħal it-tielet fuq karozza Mercedes u ra l-vantaġġ fuq Vettel jonqos għal 14-il punt. Kimi Raikkonen spiċċa r-raba’ wara li ddefenda l-pressjoni ta’ Valtteri Bottas.
Esteban Ocon tal-Force India daħal fis-sitt post segwit minn Pierre Gasly tat-Toro Rosso u Nico Hulkenberg tar-Renault. Max Verstappen tar-Red Bull spiċċaw fid-disa’ post wara li beda mill-aħħar, b’Carlos Sainz tar-Renault jieħu l-aħħar punt bl-għaxar post.
//= $special ?>