Lokali

Delegazzjoni Ewropea li qed tinvestiga lil Malta se tirritorna f’pajjiżna

Id-delegazzjoni ta’ Membri Parlamentari Ewropej li fl-2017 ġiet f’pajjiżna biex tinvestiga s-saltna tad-dritt, matul il-ġimgħa d-dieħla se tirritorna f’Malta.

Fost l-MEPs li mistennija jżuru pajjiżna hemm Sven Giegold u s-soċjalista Ana Gomes, li flimkien ma’ David Casa u oħra kienu organizzaw sensiela ta’ laqgħat fl-ewwel żjara f’Malta.

Issa jidher li talbu li jirritornaw biex jippreżentaw ir-rapport li tħejja wara dik iż-żjara. Fost is-sejbiet tagħhom, nuqqasijiet mill-awtoritajiet Maltin milli jinvestigaw korruzzjoni politika u ħasil tal-flus.

Sadattamt pajjiżna qed ikun segwit minn working group ġdid tal-Parlament Ewropew, li l-iskop tiegħu hu li janalizza l-korruzzjoni u s-saltna tad-dritt fl-Ewropa.

Il-grupp, imwaqqaf fi ħdan il-kumitat LIBE, qed janalizza b’mod speċjali lil Malta, anke fid-dawl ta’ diversi skandli involuti fihom il-Prim Ministru Joseph Muscat u nies qrib tiegħu.

Wara analiżi tas-sitwazzjoni f’pajjiżna, dan il-grupp mistenni jirrakkomanda x’azzjoni għandha tittieħed fuq livell Ewropew fil-konfront ta’ Malta.

Il-grupp jikkonsisti f’membru minn kull grupp politiku rappreżentat fil-Parlament Ewropew, b’Roberta Metsola mill-Partit Popolari Ewropew.