Lokali

FILMAT: Ian Borg ma jgħidx il-verità dwar il-Bypass tal-Mellieħa

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg meta fil-jiem li għaddew poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti dwar il-proġett tal-by-pass tal-Mellieħa, kien qiegħed ipoġġi dokumenti li fihom iġibu l-isem tal-Perit Robert Zerafa bħala l-Perit responsabbli mix-xogħlijiet li qed isiru.

Iżda minn stħarriġ li għamel il-mument jirriżulta li l-Perit Robert Zerafa m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dan il-proġett li fuq pjanti oħra li rajna jirriżulta li hu kkoordinat minn perit ieħor – il-Perit Edric Micallef.

Madankollu, illum il-proġett jinsab taħt idejn il-Perit Audrey Testaferrata Noto, minkejja li fil-Parlament il-Ministru poġġa pjanti b’firem differenti. Dan ifisser li xi ħadd uża l-firma tal-Perit Robert Zerafa fuq pjanti mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.

Jekk jirriżulta li l-firma tal-perit Zerafa ġiet fabbrikata, dan jammonta għal reat serju ħafna, aktar u aktar meta finalment ir-responsabbiltà tat-tweġiba parlamentari hi ta’ min jagħtiha… f’dan il-każ tal-Ministru Ian Borg.

Il-mument żvelat ukoll li fi zmien l-amministrazzjoni ta’ Lawrence Gonzi, kemm-il Gvern Ċentrali kif ukoll il-Kunsill Lokali li dakinhar kien immexxi minn Robert Cutajar, kellhom pressjonijiet kbar biex jagħmlu tibdiliet fil-policies tal-MEPA bl-iskop li fuq l-art inkwistjoni jkunu jistgħu jittellgħu aktar sulari. Dakinhar l-art kienet fuq sidien oħrajn.

Kien biss fi żmien il-leġiżlatura li għaddiet immexxija minn Joseph Muscat li saru bidliet fil-policies tal-MEPA b’tali mod li seta’ jsir żvilupp massiċċ ta’ sulari kif fil-fatt sar attwalment.

Persuni bħal John Buttigieg u Clayton Bartolo li kienu jservu bħala Kunsillieri fi żmien il-Kunsill Lokali mmexxi minn Robert Cutajar kienu wkoll kontra tali bidliet fil-policies tal-MEPA, iżda darba saru Sindku u Viċi Sindku rispettivament tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa biddlu fehemthom u llum saru jiddefendu dan it-tibdil.

Net News tkellem ma’ Robert Cutajar, id-Deputat Nazzjonalista Mellieħi li ilu qatigħ jitkellem dwar dan it-tibdil fil-policy.

Ma’ NET News, id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li ilu qatigħ jitkellem dwar dan it-tibdil fil-policy, fakkar kif meta kien Sindku tal-Mellieħa, il-Kunsill Lokali kollu kien oġġezzjona għal tibdil fil-policies tal-MEPA u dakinhar fil-Kunsill kien hemm kemm John Buttigieg, illum is-Sindku, kif ukoll Clayton Bartolo li llum hu Membru Parlamentari Laburista.

Illum għal John Buttigieg u Clayton Bartolo dan kollu sar aċċettabbli.