Lokali

Il-Gvern jgħaddi l-proposta dwar iż-żewġ vittmi l-oħra tas-Sette Giugno għall-kunsiderazzjoni

Filwaqt li numru ta’ studjużi tal-istorja qed jappoġġjaw l-appell tal-ġurnalist Dione Borg biex l-Istat jirrikonoxxi uffiċjalment żewġ vittmi oħra tas-Sette Giugno, il-Prim Ministru Joseph Muscat għadda din il-proposta għall-kunsiderazzjoni għaċ-ċentinarju tas-Sette Giugno.

Din il-pożizzjoni kienet komunikata lill-ġurnalist Dione Borg mill-Prim Ministru wara komunikazzjoni li l-ġurnalist Dione Borg bagħat, li fiha appella biex l-Istat jirrikonoxxi uffiċjalment lil żewġ vittmi oħra tas-Sette Giugno 1919.

Fil-komunikazzjoni tiegħu l-Prim Ministru rrefera għall-plakka li hemm fil-ġenb tal-monument tas-Sette Giugno, li fiha hemm speċifikat li minn fost il-feruti kienu mietu wkoll Francesco Darmanin u Toni Caruana. Din il-plakka kienet tpoġġiet fil-ġenb tal-monument wara li dan kien inġieb lura mill-Ġnien ta’ Hastings.

Il-Professuri Henry Frendo, Joe Pirotta u Ray Mangion ingħaqdu mal-appell ta’ Dione Borg u qed jesprimu pożizzjoni favur dan l-appell.

L-appell tal-ġurnalist Dione Borg sar nhar il-Ħadd li għadda permezz ta’ korrispondenza tal-Ispeaker, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni. Dione Borg qed jappella biex il-vittmi, li sal-ġimgħa li għaddiet kienu stabbiliti bħala Toni Caruana u Francesco Darmanin u li mietu xi ġimgħat wara s-Sette Giugno 1919 kaġun tal-feriti li sofrew fl-irvellijiet, ikunu rikonoxxuti uffiċjalment flimkien mal-erba’ vittmi l-oħra: Wenzu Dyer, Manwel Attard, Ġużeppi Bajada u Kamenu Abela.

Il-proposta tinkludi li l-ismijiet ta’ Caruana u Darmanin ikunu mnaqqxa mal-monument tas-Sette Giugno l-Belt. Filwaqt li hu stabbilit kif u biex miet Darmanin, ftit kien hemm informazzjoni dwar Caruana, ħlief li dan miet l-Isptar Santo Spirito.

Minn aktar riċerka li saret mill-ġurnlaist Dione Borg, beda jirriżulta li Toni Caruana ma jissemma f’ebda dokumenti uffiċjali tal-isptar, iżda floku jissemma Antonio Cassano.

Minn riċerka li saret fl-Arkivji tas-Santo Spirito jirriżulta li f’dan l-isptar ma miet ebda Antonio jew Toni Caruana fl-1919, iżda miet Antonio Cassano. Il-kittieb Paul Bartolo jsostni li fil-fatt, il-vittma hu Antonio Cassano u mhux Antonio (Toni) Caruana.

Fil-kummenti tiegħu l-Professur Henry Frendo qal li hu jirrikonoxxi li l-vittmi tas-Sette Giugno huma sitta u mhux erbgħa. Dan jirriżulta minn diversi kitbiet storiċi li saru, partiklament dawk li nkitbu ftit snin wara s-Sette Giugno, u li allura huma evidenza diretta ta’ dak li seħħ.

Henry Frendo jsostni li ftit jeżistu dettalji dwar iż-żewġ vittmi, inkluż fejn u kif ġew feruti. Jirriżulta li l-qofol tal-isparar mis-suldati Ingliżi seħħ fi Triq l-Ifran fejn il-folla kienet kbira u fejn in-nies ma kellhomx fejn jaħarbu mit-tiri. Kien fi Triq l-Ifran li s-suldati Ingliżi niżlu għarkupptejhom u sparaw fuq il-Maltin. Id-djuq tat-triq wassal biex il-balal li ma laqtux lin-nies mill-ewwel, spiċċaw ferew lill-Maltin wara li l-balal ħabtu mal-ħajt u marru fuq il-folla.

Henry Frendo jaqbel li l-ismijiet taż-żewġ vittmi l-oħra jitpoġġew mal-ismijiet tal-vittmi l-oħra fuq il-monument tas-Sette Giugno.

Fil-kummenti tiegħu dwar il-proposta, il-Professur u Storiku Joe Pirotta qal li hu jaqbel li fl-irvellijiet tas-Sette Giugno mietu sitt Maltin u mhux erbgħa. Joe Pirotta qal li jirriżulta wkoll li fl-irvellijiet kien hemm numru ikbar ta’ feruti minn dak li hu stabbilit. Dan għaliex numru mhux magħruf ta’ feruti ma marrux l-isptar biex jiddewwew minħabba l-biża’ li jinqabdu li kienu fl-irvellijiet.

L-istoriku Joe Pirotta qal li hu favur li l-Istat jirrikonoxxi liż-żewġ vittmi l-oħra tas-Sette Giugno. Hu stqarr li kien żball li għal 99 sena l-pajjiż ma rrikonixxiex lil dawn iż-żewġ vittmi, u għalhekk issa għandha tkun ikkoreġuta l-istorja biex iż-żewġ vittmi jkunu rikonoxxuti.

Il-Professur Ray Mangion ikkummenta li l-pajjiż hu obbligat li jirrikonoxxi lil dawn iż-żewġ vittmi għaliex dawn jissemmew fil-lista tal-feruti tas-Sette Giugno, liema lista kienet riċerkata minn diversi storiċi. Ray Mangion saħaq fuq l-importanza tar-rikonoxximent li kien ta l-Ispeaker fl-2011, u appella biex isimhom jitpoġġa mal-ismijiet tal-erba’ vittmi l-oħra li huma rikonoxxuti diġà.

Il-Professur Ray Mangion kompla li r-rikonoxximent uffiċjali lil dawn iż-żewġ vittmi jfisser li f’kull dokument u kitba dwar is-Sette Giugno jridu jissemmew sitt vittmi u mhux erbgħa. Il-Professur Mangion jemmen li l-vittmi huma Francesco Darmanin u Antonio Cassano.

Kienu diversi storiċi oħra fil-passat li stabbilew li fis-Sette Giugno kienu mietu sitt vittmi u mhux erbgħa. Minkejja dawn il-fatti storiċi, l-Istat Malti ma approvax uffiċjalment lil dawn iż-żewġ vittmi.