Sport Sport Ieħor

Jelena Ostapenko u Venus Williams eliminati fl-ewwel rawnd tal-Open ta’ Franza

(Ritratt: EPA)

Iċ-Champion renjanti Jelena Ostapenko u s-seba’ darbiet rebbieħa ta’ Grand Slam Venus Williams kienu eliminati mill-ewwel rawnd tal-Open ta’ Franza. Is-sid numru ħamsa Ostapenko kienet sorpriża mill-Ukrena Kateryna Kozlova 7-5, 6-3.

Is-sid numru disgħa l-Amerikana Venus Williams, finalista tar-Roland Garros fl-2002, tilfet 6-4, 7-5 kontra s-sid numru 91 Wang Qiang taċ-Ċina. Intant is-sid numru erbgħa Elina Svitolina għelbet lil Ajla Tomljanovic 7-5, 6-3.

Din hi l-ewwel darba fi 78 logħba Grand Slam li Williams tilfet darbtejn konsekuttivi f’tournament maġġuri. “Ħadd ma jippjana dan. Ma hemm l-ebda ġranet perfetti fit-tennis,” qalet it-tennista ta’ 37 sena li kienet eliminata fl-Open tal-Awstralja f’Jannar.

Is-sena l-oħra fl-età ta’ 19-il sena, Ostapenko li ma kinitx seeded, kienet ħolqot sorpriża meta għelbet is-sid numru wieħed tad-dinja Simona Halep u rebħet it-titlu f’Pariġi. Iżda din id-darba tilef f’95 minuta mis-sid numru 66 f’Kozlova, u qatt ma kienet għelbet qabel avversarja mal-ewwel 30 fid-dinja.

“Fil-verità ma kontx qed nistenna xi ħaġa mil-logħba. Bażikament, bilkemm lagħbt xahrejn u nofs iżda ridt nuri dak li kapaċi nagħmel,” qalet Kozlova. Ostapenko saret biss it-tieni champion renjanti li tilfet fl-ewwel rawnd tal-Open ta’ Franza fl-era miftuħa wara Anastasia Myskina fl-2005.

Il-Britannika Johanna Konta wkoll kienet eliminata, b’telfa fi straight sets 6-4, 6-3 kontra s-sid numru 93 Yulia Putintseva f’siegħa u 24 minuta. Is-sid numru 10 fid-dinja Sloane Stephens li rebħet l-Open tal-Istati Uniti s-sena l-oħra, għaddiet għat-tieni rawnd b’rebħa ta’ 6-2, 6-0 kontra l-Olandiża Arantxa Rus.

Tags