L-istampa tal-Korea ta’ Fuq qalet li l-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, għandu ‘rieda ċara’ li s-summit bejnu u l-President Amerikan, Donald Trump, isir fit-12 ta’ Ġunju f’Singapore, skont il-pjan oriġinali.
Ir-rapporti segwew il-laqgħa sorpriża tas-Sibt bejn Kim Jong-un u l-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, b’talaħħar jgħid li l-Korea ta’ Fuq tinsab impenjata favur il-proċess tad-denuklearizzazzjoni.
Donald Trump, jiem ilu, ħabbar li kien qed iħassar is-summit ma’ Kim minħabba ‘l-ostilità min-naħa tal-Korea komunista’. Iżda Trump, fi tmiem il-ġimgħa, bidel it-ton u indika ‘żviluppi pożittivi’ u li ‘l-affarijiet ( relatati mas-summit) kienu mexjin fit-triq it-tajba’.
Intant, rappreżentant tal-Istati Uniti ivvjaġġa lejn il-Korea ta’ Fuq biex ikompli fuq it-tema tas-summit. Skont rapporti mill-midja tal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel, Sung Kim, eks-ambaxxatur Amerikan għall-Korea t’Isfel, kien mistenni li jidħol f’taħditiet mal-Viċi-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Korea ta’ Fuq rigward it-tħejjijiet għas-summit.
Jekk isir tassew is-summit ‘storiku’ bejn Kim Jong-un u Trump dan ikun il-qofol tal-isforzi diplomatiċi li ilhom għaddejjin ix-xhur bil-għan li tonqos it-tensjoni mal-Korea ta’ Fuq u l-possibbiltà ta’ konfront militari bejn il-qawwiet komunisti ta’ Pyongyang fuq naħa u dawk tal-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel fuq in-naħa l-oħra.
Min-naħa tiegħu, il-President Moon qal li hu u Kim Jong-un qablu li s-summit tat-12 ta’ Ġunju għandu jsir bil-għan li jirnexxi. Hu kompla li l-Mexxej Korean komunista ‘mill-ġdid enfasizza l-impenn għad-denuklearizzazzjoni sħiħa tal-Peniżola Koreana’.
Min-naħa tiegħu, il-President Trump qal ċar, fi tmiem il-ġimgħa, li ma nbidilx l-impenn għas-summit tat-12 ta’Ġunju f’Singapore waqt li – permezz ta’ messaġġ fuq Twitter – ċaħad l-ispekulazzjoni tal-midja li ‘is-summit ma jistax isir f’Singapore skont il-programm oriġinali minħabba l-intoppi ta’ jiem ilu’.
//= $special ?>


