Il-President Taljan, Sergio Mattarella, qed iħejji għal laqgħa kruċjali mal-Prim Ministru desinjat, Giuseppe Conte, meta mistenni li, sa fl-aħħar, se jintemm l-istaġnar politiku – li ilu minn Marzu – u jitwitta t-triq għall-Gvern ġdid ta’ koalizzjoni.
Conte, professur tal-liġi bi ftit esperjenza politika, hu l-għaża tal-Partit Cinque Stelle u l-Lega Nord li għandhom imexxu l-koalizzjoni ġdida f’Ruma.
Intant, laqgħa simili li saret il-Ġimgħa bejn Mattarella u Conte ma produċietx riżultati minħabba li l-President Taljan qed jopponi għall-ħatra ta’ Paolo Savona — ekonomista ewroxettiku u ‘il-kandidat ta’ Conte’ — bħala Ministru Taljan għall-Ekonomija.
Intant, Cinque Stelle u l-Lega sfidaw lil Mattarella biex jaċċetta lil Savona inkella jissogra li l-Italja tgħaddi mill-ġdid minn elezzjoni ġenerali.
Paolo Savona, li fis-snin disgħin kien Ministru għall-Industrija, hu kritiku konsistenti tal-ewro u l-Unjoni Ewropea. Intant, fl-ewwel stqarrija pubblika tiegħu f’din is-sitwazzjoni hu qal li jrid jara ‘Ewropa differenti u b’saħħitha iżda li, fl-istess ħin, tkun aktar ugwali’.
F’każ li l-President Mattarella ikompli juża ‘il-veto’ fil-konfront ta’ Savona, hemm is-sogru li jispiċċa l-ftehim bejn Cinque Stelle u Lega Nord – iż-żewġ partiti li rebħu l-aktar siġġijiet fl-elezzjoni parlamentari ta’ Marzu. Sitwazzjoni bħal din, intant, iżżid il-probabbiltà ta’ elezzjoni oħra fl-Italja, din is-sena.
//= $special ?>

