Internazzjonali

Miet l-eks astronawta Amerikan, Alan Bean

L-eks-astronawta Amerikan, Alan Bean, li sar ir-raba’ bniedem li mexa fuq il-qamar, miet fl-Istat ta’ Texas, fl-età ta’ 86 sena.

Bean, fl-aħħar snin ta’ ħajtu, kien sar famuż ukoll bħala artist li produċa l-pitturi ‘ispirati mill-ispazju’. Ir-rapporti qalu li l-eks-astronawta, residenti ta’ Indiana u li kien marad ftit tal-ġimgħat ilu, ‘kellu mewta kwieta’ fi sptar ta’ Houston.

Alan Bean kien beda l-karriera bħala pilota man-Navy Amerikana u fl-1963 kien intgħażel min-NASA biex jitħarreġ għall-missjonijiet fl-ispazju. Hu, fil-fatt, tela’ fl-ispazju darbtejn – bl-ewwel darba tkun f’Novembru tal-1969, bħala l-pilota tal-module lunari involut fil-missjoni għall-inżul fuq il-qamar ta’ Apollo 12.

It-tliet astronawti li niżlu fuq il-qamar qabel Bean kienu Neil Armstrong u Buzz Aldrin ( b’Apollo 11, f’Lulju tal-1969) u Charles Conrad li wkoll kien involut mal-missjoni ta’ Apollo 12.

Minn dawn l-erba’, Aldrin biss għadu ħaj, b’dan l-eks-astronawta llum qed jgħodd it-88 sena.