Jekk il-Gvern mhux lest iwaqqaf is-serq fil-kontijiet tal-enerġija, Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lura l-flus kollha żejda li n-nies ħallsu aktar għad-dawl u l-ilma.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza d-Djalogu f’Ħ’Attard, bit-tema “Infasslu Futur Flimkien”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed iħaddem ħażin is-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, tant li dan qed iwassal biex in-nies qed jispiċċaw iħallsu ferm aktar għall-enerġija.
Adrian Delia fakkar kif mill-istħarriġ tal-Partit Nazzjonalista li sar fuq 100 kont li n-nies ġabu magħhom fid-Dar Ċentrali, irriżulta li 80 fil-mija ħallsu aktar milli suppost. Il-ħlas żejjed irriżulta li kien ilaħħaq sa 600 ewro fis-sena.
Tenna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jitkellem għan-nies u se jibqa’ għaddej b’dan l-eżerċizzju, b’analiżi tal-kontijiet, u għalhekk stieden aktar familji biex jersqu lejn id-Dar Ċentrali bil-kontijiet ta’ sena sħiħa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid soċjetà li jimpurtaha u b’rispett lejn min ikun iddedika ħajtu għal ħaddieħor, partikolarment lejn il-membri fil-korpi dixxiplinati.
Sostna li m’għandniex nattakkaw il-membri tal-Korp tal-Pulizija iżda nikkritikaw biss lil min iżomm lill-Pulizija milli jaqdu dmirhom.
Adrian Delia qal li jrid soċjetà li jimpurtaha u b’rispett lejn l-awtoritajiet għax kull membru tal-Korp tal-Pulizija, bħalma hu l-Kuntistabbli Simon Schembri, għandu d-dritt li fit-tmiem tal-ġurnata tax-xogħol imur lura għand il-familja tiegħu.
Qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun il-vuċi tal-persuni li jkunu ddedikaw ħajjithom għas-sigurtà ta’ ħaddieħor u għalhekk, stieden lill-Gvern biex jieħu d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa ħalli l-membri tal-Korp ikollhom il-protezzjoni kollha possibbli waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Tenna li l-familja ta’ Simon Schembri għandha tingħata kumpens xieraq għal dak li ġarrbu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid soċjetà li temmen fil-ħarsien tal-ħajja u għalhekk il-Grupp Parlamentari kollu tal-Partit Nazzjonalista vvota kontra l-emendi fil-Liġi dwar il-Protezzjoni Ġuf.
Adrian temm li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jsostni l-pożizzjoni tiegħu favur il-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha għax l-emendi li jrid il-Gvern ma joffru l-ebda garanzija li l-ħajja umana se tiġi mħarsa.
//= $special ?>
