Numru ta’ militar tar-Russja nqatlu minn militanti fil-provinċja ta’ Deir al-Zour, fil-Lvant tas-Sirja. L-attakk irriżulta wkoll f’diversi midruba, bl-aġenziji tal-aħbarijiet Russi jgħidu li ‘gruppi ta’ terroristi’ kienu konċentraw fuq sit tal-artillerija tal-Armata Sirjana.
Ir-rapporti qalu li żewġ konsulenti militari Russi mietu fl-inħawi, bi tnejn fost ħames Russi li ndarbu fl-istess azzjoni jmutu aktar tard mill-ġrieħi li ġarrbu.
Il-Ministeru tad-Difiża Russu qal, sadanittant, li l-qawwiet tiegħu kienu qatlu talanqas 40 militanti fil-ġlied partikulari.
Għalkemm l-Armata Sirjana ħadet lura l-kontroll ta’ Deir al-Zour, f’Novembru, il-militanti tal-ISIS għadhom attivi sallum fil-provinċja.
Minbarra t-terroristi tal-ISIS f’Deir al-Zour, teżisti sitwazzjoni fejn qawwiet tal-Gvern Sirjan qed jikkontrollaw zoni partikulari u t-taqsimiet ta’ qawwiet Sirjani Kurdi ( fosthom ġellieda appoġġjati mill-Istati Uniti) qegħdin jikkontrollaw inħawi oħra fil-qrib.
//= $special ?>

