Il-Qriema ngħaqdu fi Triq il-Vitorja biex isellmu lit-Tabib George Hyzler bil-kxif ta’ monument għalih.
Il-monument, li sar mill-Kunsill Lokali Qormi wara inizjattiva tal-Kunsilliera eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista u Mozzjoni mressqa mill-Minority Leader Ralph Puli, inkixef is-Sibt, propju f’għeluq snin it-Tabib Hyzler. Fil-fatt, li kieku għadu ħaj, hu kien jagħlaq 92 sena.
L-għażla ta’ din it-triq, u quddiem iċ-Ċentru tas-Saħħa, waslet minħabba li kien Hyzler innifsu li, bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Saħħa, waqqaf dan iċ-Ċentru fl-1989.
Il-Familja kkummissjonat lil Giuseppe Azzopardi Delfiore, filwaqt li l-monument tbierek mill-Arċipriet Dun Mario Mangion.
Miżżewweġ lil Elvira u missier ta’ tliet subien, George beda l-karriera politika tiegħu fl-1962 meta kien elett fil-Parlament. Hu baqa’ jkun elett sal-elezzjoni ġenerali tal-1992 qabel ma rriżenja mill-Parlament fl-1995.
Taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, immexxija minn Eddie Fenech Adami, fl-1987 serva bħala Segretarju Parlamentari għas-Saħħa u fl-1992 serva bħala Ministru għas-Sigurtà Soċjali.
Ma’ tmiem il-karriera politika tiegħu, George Hyzler serva f’diversi karigi oħra f’Malta u anke barra minn xtutna, filwaqt li bejn l-1999 u l-2009 serva bħala Aġent President ta’ Malta. Hu miet fid-19 ta’ Jannar 2011 fl-età ta’ 84 sena.
Iċ-ċerimonja tal-kxif tal-monument inżammet taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, fil-preżenza wkoll ta’ membri tal-Familja Hyzler u anke dawk li ħadmu mat-Tabib Hyzler meta kien fil-politika.
//= $special ?>