Il-Ministru Chris Cardona s’issa naqas milli jagħti spjegazzjoni valida għall-vjaġġi spissi li kien jagħmel waħdu fuq hekk msejjaħ xogħol uffiċjali u għal liema raġuni ma kienx jieħu miegħu uffiċjali tal-ministeru.
Rapport maħruġ minn The Sunday Times of Malta wera li skont informazzjoni preżentata fil-Parlament Malti – il-Ministru tal-Ekonomija qed isiefer għal-laqgħat uffiċjali, waħdu. Fost oħrajn żar l-Ukrajna, Dubai, Monaco, u r-Russja.
In-norma hija li l-Ministri waqt safar fuq laqgħat uffiċjali ikollhom tal-inqas uffiċjal wieħed jivjaġġa magħhom sabiex iżommulhom il-minuti tal-laqgħat – s’issa mhux magħruf jekk il-Ministru Chris Cardona żammx il-minuti huwa stess.
Esperti saħqu li dawn il-vjaġġi, imħallsa mit-taxxi tal-poplu, huma kemmxejn strambi hekk kif vjaġġ minnhom fir-Russja, seħħ bejn id-29 ta’ Diċembru tal-2014 u t-8 ta’ Jannar tal-2015 – proprju fi żmien il-festi tal-ewwel tas-sena. Dan filwaqt li vjaġġ ieħor f’Monaco, li seħħ f’Mejju tal-2015 waqt il-Grand Prix tal-Formula 1 u sewa mal-€11,000.
Skont il-kodiċi tal-Etika Ministerjali, il-Ministri jridu l-permess tal-Prim Ministru qabel ma jsiefru fuq qadi uffiċjali u għaldaqstant iridu jibgħatu rapport dettaljat tal-laqgħat lill-Uffiċċju tal-Kabinett.
Din mhux l-ewwel darba li l-vjaġġi tal-Ministru Cardona spiċċaw taħt il-lenti hekk kif lura fl-2016 Chris Cardona u d-delegazzjoni tiegħu nefqu €758 f’alkoħol minn lukanda f’Dubaj.
Fl-2017 rapporti fuq il-midja lokali allegaw li l-Ministru u konsulent tiegħu żaru burdell fil-Ġermanja. Chris Cardona ċaħad kategorikament dawn l-allegazzjonijiet. Dwar dan għadu għaddej każ fil-Qorti.
//= $special ?>

