Lokali

7 entitajiet tal-Malti mħassba dwar l-eżami tal-Malti bħala lingwa barranija

Seba’ entitajiet li jaħdmu b’risq il-lingwa Maltija ngħaqdu biex jesprimu t-tħassib tagħhom fuq l-eżami tal-Malti bħala lingwa barranija li jrid idaħħal il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Fin-nuqqas ta’ konsultazzjoni, iqajmu numru ta’ mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba ċar.

L-Akkademja tal-Malti, d-Dipartiment tal-Malti tal-Università, d-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College, l-Għaqda tal-Malti fl-Università, Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti, Għaqda Poeti Maltin, l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa u l-Università ta’ Malta fi stqarrija għamlu sensiela ta’ mistoqsijiet li għalihom qed jistennew risposta kemm huma kif ukoll il-ġenituri ta’ ħafna studenti.

Fost il-mistoqsijiet li saru dawn l-għaqdiet saqsew fuq kif se titħaddem is-sistema, min se jkun qedjikkwalifika għal dan l-eżami, x’etajiet, u jekk hux se jkunu affetwati suġġetti diġa mgħallma bil-lingwa Maltija.

Jingħad kif iċ-ċittadini Maltin m’għandhomx jagħmlu eżamijiet tal-MATSEC, la tal-Malti u lanqas tal-Ingliż, bħala lingwa barranija jew bħala t-tieni lingwa. Huma saħqu li din iċ-ċertifikazzjoni tal-Malti bħala lsien barrani trid tkun sistema parallela u separata miċ-ċertifikazzjoni tal-MATSEC, il-bord li jamministra l-eżamijiet nazzjonali.

L-għaqdiet qalu li ilhom ħafna jisimgħu lill-Ministeru tal-Edukazzjoni jgħid li jrid “isaħħaħ” il-Malti u li dejjem lest “jikkonsulta” ma’ kull min huwa konċernat u għalhekk saqsew x’konsultazzjoni qed issir mal-Għalliema tal-Primarja u s-Sekondarja u mal-entitajiet prinċipali kollha.