Lokali Parlament

Fl-interess ta’ kulħadd li l-OHSA tissaħħaħ…jeħtieġ tolleranza żero

– Toni Bezzina, PN

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-OHSA, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li t-tisħiħ ta’ din l-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għandu jkun prijorità għal kulħadd u għalhekk fuq il-post tax-xogħol għandu jkun hemm tolleranza żero.

Toni Bezzina qal li l-OHSA tissalvagwardja l-ħajja tal-ħaddiema. Jeħtieġ li l-persuni impjegati fis-settur tal-kostruzzjoni jkunu liċenzjati u mħarrġa sew fix-xogħol tagħhom. Kull inċident qed iħalli effetti fuq il-persuni u l-familji involuti f’dan is-settur.

Hu qal li hu fl-interess ta’ kulħadd li l-OHSA tissaħħaħ u sostna lir-riżorsi tal-OHSA huma minimi u l-impjegtai huma limitati tant li ma jistgħux ilaħħqu biex jinfurzaw il-liġi li daħlet 17-il sena ilu. Jeħtieġ li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-OHSA jkunu mtejba biex jattiraw uffiċjali tal-ogħla kwalità.

L-OHSA għandha tintroduċi iktar korsijiet u snajja fejn l-attendenza għandha tkun mandatorja għall-professjonisti u l-ħaddiema fis-settur. Dan għandu jsir flimkien mal-unions invovluti. Jeħtieġ li ma jkun hemm ebda tolleranza fuq il-post tax-xogħol. L-inċidenti naqsu sew fl-aħħar 15-il sena iżda wasal iż-żmien li l-ħidma tal-OHSA tingħata l-importanza kollha meħtieġa permezz ta’ programmi edukattivi.