Lokali

Il-familja ta’ Joe Gambin tagħti l-organi biex ikunu megħjuna persuni oħra

Hekk kif Ħal Tarxien għadu maħsud bil-mewt għall-għarrieda ta’ Joe Gambin, fl-aħħar sigħat il-familja tiegħu tat l-organi biex anke wara mewtu jkompli jgħin lil min hu fil-bżonn.

Net News hu nfurmat li wara mewt Joe, eks Viċi President u eks Segretarju tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien, se jgawdu diversi persuni hekk kif il-kornea, fwied u l-kliewi se jingħataw b’donazzjoni lill-pazjenti fil-bżonn.

Hu kien qed jinżamm ħaj fuq il-magni, sakemm saru t-testijiet li kien hemm bżonn biex jingħataw l-organi tiegħu f’deċiżjoni mill-iktar altruwista ta’ martu Mary u l-familja Gambin. Dan wara inċident sfortunat fir-residenza tiegħu stess.

Joe Gambin ħadem fi ħdan il-Partit Nazzjonalista fl-iktar żminijiet diffiċli tal-politika Maltija. Hu stinka b’mod speċjali biex il-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Tarxien jibqa’ miftuħ, anke meta dan kien ipoġġi periklu u riskju għal min bla biża’ kien jiddikjara li hu Nazzjonalist. Għal uħud filfatt hu meqjus bħala l-Partit Nazzjonalista f’Ħal Tarxien.

Huwa qatt ma ċaħad it-twemmin politiku tiegħu u minkejja kollox kompla bil-ħidma sfieqa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Kull meta kien ikun hemm xi attività, hu u familtu kienu jkunu minn ta’ quddiem jaħdmu u jħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nies.

Fuq livell uman, kull min kien jafu jiftakru bħala bniedem mill-aħjar u ta’ qalb tajba, umli u li dejjem ħadem b’onestà u lealtà kbira lejn dak li kien jemmen fih. Filfatt, malli ħarġet din l-aħbar ta’ dieqa, kienu ħafna dawk li fakkru lil Joe għal kemm għen lill-għeżież tagħhom fl-iktar mumenti diffiċli.

Il-funeral ta’ Joe se jsir għada, it-Tlieta 29 ta’ Mejju fis-14:30, fil-Knisja tal-Erwieħ f’Ħal Tarxien stess.