Lokali

Il-proġett fuq l-art tal-ITS mhux skont il-liġi….deputati u ministri tal-Gvern għandhom jitkellmu

Id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli sostniet li l-proġett fuq l-art tal-ITS f’Pembroke fih ħafna irregolaritajiet u hemm deputati tal-Gvern li m’humiex komdi bih. Il-poplu jistħoqqlu rispett u għalhekk id-deputati u l-ministriu tal-gvern li jafu li l-proġett qatt ma missu kien propost kif inhu għandhom jitkellmu.

Fid-dibtatitu parlamentari dwar l-Awtorità tal-Ippjanar Marthese Portelli qalet li l-Awtorità tal-Ippjanar tiddetermina jekk Malta tkunx pajjiż sabiħ u abitabbli jew pajjiż bla estetika ta’ xejn. L-Awtorità għandha l-obbligu li bid-deċiżjonijiet tissalvagwardja l-ġid komuni.

Hi tkellmet dwar is-sit tal-ITS f’Pembroke u qalet li l-Awtorità tal-Ippjanar ma tistax tkun konfoffa u tibqa’ tipproċessa fejn ikun sar ħażin. Il-Gvern m’għandux ikun il-katalist li jippermetti li jsir abbuż fuq l-art pubblika għaliex din mhix tal-Prim Ministru jew ta’ xi ministru iżda jridu jamministrawha bl-aħjar mod. Fuq l-art tal-ITS, għad hemm l-inkjesta mill-Uffiċċju tal-Awditur li qajmet diversi punti u paġni sħaħ. Din għadha pendenti u għalhekk b’rispett lejn l-istituzzjonijiet, il-gvern kellu jissospendi dan il-proċess.

Marthese Portelli kompliet li l-Awtorità tal-Ippjanar ma tkellmitx man-nies ta’ Pembroke. Il-liġi tispeċefika li l-akkwist pubbliku m’għandux isr bl-intenzjoni li jeskludi lil xi nies, li jnaqqas il-kompetizzjoni li jiffavorexxi lil xi operatur.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li din l-offerta ħarġet fil-vaganzi tal-Milied u għalhekk ħadd ma kellu ċ-ċans li jarawha. L-applikazzjoni tiela’ quddiem l-Awtorita tal-Ippjanar fi żmien fil-vaganzi tas-Sajf meta l-poplu jkun qed jistrieħ. Dan mhux ġust. It-titlu hu wkoll qarrieq għaliex kien jingħad li din hi offerta għal lukandi u ħwienet u mkien ma kien hemm miktub li jsiru units residenzjali. Din hi diskriminazzjoni waqt li biex jinġabar id-dokument tal-offerta riedet titħallas somma ta’ €10,000.

Marthese Portelli qalet li l-liġi tgħid li l-offerti li jkunu baxxi b’mod mhux naturali jkunu kkunsidrati bħala offerta mhux konformi. F’dan il-każ il-prezz kien negozjat anki wara li l-offerent tefa’ l-prezz tiegħu. Din mhix ġustizzja mal-poplu u mal-iżviluppaturi l-oħra. Il-prezz dam ikun negozjat 12-il xahar. Din hi differenza minn proġetti oħra li ma ngħatawx dawn il-kundizzjonijiet.

Hi qalet li l-format tal-RFP ma kinx sempliċi kif isir is-soltu u ma kienx hemm il-kaxxa fejn jiddaħħal li-prezz.

Dwar il-valur tal-art, id-deputat Nazzjonalista qalet li l-art tal-ITS u tal-madwar huma fost l-iprem siti li għandu l-gvern fl-aktar parti imfittxija fil-golden mile ta’ Malta. Il-ħlas stabbilit mill-gvern hu ferm ‘il bogħod. Il-gvern qed jitlob ħlas bil-quddiem ta’ €5 miljuni u jibqa’ €10 miljuni li se jitħallsu fuq 10 snin bla imgħax.

Is-sit tal-ITS hu 24,000 metru kwardu li tiegħu l-gvern se jdaħħal €5 miljuni biss. Il-Gvern, ftit qabel, bigħ biċċa art oħra f’Pembroke ukoll ta’ 650 metru kwardu għall-prezz ta’ €3.2 miljun meta din kienet f’żona mhux sabiħa. Dan fiwlaqt li Fort Cambridge hu 3,700 metru kwardu u l-gvern ġab €54 miljun tiegħu. Kif jista’ xi ħadd jikkonvinċi li l-art pubblika tal-ITS inbiegħat b’valur tajjeb?

Marthese Portelli trattat l-applikazzjoni u qalet li d-Design Advisory Council iddikjara li dan hu disinn ikrah. Ir-residenti qed jingħataw raġun. Hemm divesi kwistjonijiet oħra fosthom dwar il-pjan lokali. Meta l-proġett ikun evalwat, jirriżulta li hemm problemi kullimkien u sitwazzjonijiet mhux konformi mal-liġi.

Minkejja dan, il-proġett jibqa’ għaddej. Hemm ukoll kwistjonijiet tal-infrastruttura fosthom il-mina li ħadd mhu jgħid min se jagħmilha. Fil-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent kienet saret wiegħda li se jsir master plan sew mhux bħal dak li sewa €300,000 li kellu jitnrema għax kien intenzjonat biss biex jelimina lir-residenti u lil uħud mill-iżviluppaturi biex jaġevola ftit nies.

Marthese Portelli tkellmet dwar id-dellijiet u x-xtajta u qalet li hemm ħafna problemi fil-proġett. Il-kuntratt kien iffirmat fi Frar tal-2017 usa dakinhar min ħa l-art kien diġà għalaq numru ta’ ftehim ma’ xerrejja tal-propjetà. Bilfors li jistaqsi jekk il-proġett kinx diġà ngħata l-approvazzjoni.

Din l-RFP li hi taparsi kient aġġudikata minn Projects Malta, taħt il-Ministru Konrad Mizzi. Il-liġi tgħid li Projects Malta ma kellhix l-istading neċessarju bil-liġi biex toħroġ u tevalwa l-offerta iżda din setgħet issir biss jekk ikun hmem l-involviment tad-Dipartiment tal-Kuntratti.