Il-Qorti ma laqgħetx it-talba minn Vitals Global Health Care biex jibqgħu moħbija d-dokumenti li hemm mal-kuntratt tal-ftehim mal-gvern, li jinkludu l-konċessjoni u anke l-mod kif kien se jiġi mogħti s-servizz tas-saħħa.
Dan ħareġ hekk kif kompliet tinstema’ l-kawża li l-Kap tal-Oppożizzjoni fetaħ biex l-isptar San Luqa, l-isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li ngħataw lil Vitals Global Healthcare, jingħataw lura lin-nies. Minbarra fil-konfront tal-VGH, il-kawża infetħet kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Avukat Ġenerali, l-Awtorita’ tal-Artijiet u Malta Industrial Parks
Fil-qorti VGH ppreżentat rikors li miegħu qablu wkoll il-partijiet l-oħra fosthom il-Prim Ministru. Għal dan ir-rikors il-Kap tal-Oppożizzjoni permezz tal-avukati tiegħu opponew għal din iċ-ċensura għaliex dawn id-dokumenti huma ta’ portata nazzjonali.
Kien għalhekk li l-Qorti ma laqgħetx it-talba fl-interess pubbliku u tat-trasparenza.
F’din il-kawża l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Qorti tiddikjara null il-kuntratt, li l-Gvern Laburista ffirma mis-sidien anonimi tal-Vitals Global Healthcare wara li dawn tal-aħħar ma’ onorawx l-obbligi kuntrattwali tagħhom.
Kemm il-Prim Ministru, kif ukoll l-Avukat Ġenerali u d-Dipartiment tal-Artijiet, provaw iwaqqfu din il-kawża li nfetħet mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
F’Diċembru li għadda, l-operat tal-Isptarijiet għadda għand il-kumpanija Steward. F’inqas minn sentejn minn kuntratt ta’ 30 sena u iktar, Vitals ħadu €50 miljun. Kulma sar f’dawn is-sentejn kienet it-tħaffir ta’ ħofra kbira biswit l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
L-avukati Edward Debono u Jason Azzopardi qed jidhru għall-Kap tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>