Internazzjonali

Jiżdiedu l-vittmi mill-Ebola fil-Congo

Kien konfermat li l-Ebola ħalliet vittma oħra fir-Repubblika Demokratika tal-Congo, it-tnax il-waħda mindu bdiet il-firxa ta’ din il-marda iktar kmieni dan ix-xahar.
Il-mewt ġrat fir-raħal ta’ Iboko u jidher li hemm erba’ każi oħra suspettati.
Fil-Congo issa hemm 35 każ konfermat ta’ Ebola.
Il-ħaddiema tas-saħħa qed jaħdmu biex jidentifikaw individwi li ġew f’kuntatt ma persuni nfettati. Dawn il-persuni ser ikunu qed jingħataw tilqimġdid li għadu f’fażi sperimentali imma huwa l-unika tama li persuna ssalva.
Din il-kampanja ta’ tilqim diġa bdiet f’Mbandaka, fejn kienu kkonfermati erba’ każi ta’ Ebola u hi belt ewlenija ta’ aktar minn miljun persuna. Mall-mitt ħaddiem tas-saħħa ħadu t-tilqim hekk kif huma qegħdin fl-ogħla riskju li jiġu nfettati mill-virus.
Il-ġimgħat li ġejjin ser ikunu kruċjali sabiex jiġi determinat jekk dan il-virus jistax jinżamm taħt kontroll. Fatturi li jistgħu jikkomplikaw is-sitwazzjoni huma l-firxa tal-marda f’xi belt kbira, li jiġu nfettati ħaddiema tas-saħħa, u li jinħolqu tlett jew erba’ epiċentri tal-marda, li jista’ jagħmilha iktar diffiċli biex jiġu identifikati u osservati persuni li setgħu kellhom kuntatt ma’ nies infettati.