Lokali

Pospost il-funeral ta’ Colin Muscat

Ġie pospost il-funeral tal-vittma tal-isplużjoni fil-kamra tan-nar tal-Għaqda Piroteknika 11 ta’ Frar ta’ San Ġwann. Oriġinarjament kien tħabbar li Colin Muscat se jingħata l-aħħar tislima nhar l-Erbgħa li ġej, fir-Rotunda tal-Mosta, fit-15:30.

Muscat, li kellu 36 sena, miet il-Ħadd filgħaxija wara sigħat ta’ agunija, hekk kif sfortunatament sofra ħruq f’iktar minn 90% ta’ ġismu.

Minbarra d-detentur tal-liċenzja tal-kamra tan-nar, li tinsab f’Tal-Qadi, fis-Salini, limiti tan-Naxxar, weġġa’ wkoll Clint Grima ta’ 25 sena minn Ħad-Dingli, li sofra ħruq fi spalltu waqt li t-tfajla ta’ Colin, Shirona D’Anastasi mill-Mosta, ittieħdet l-isptar minħabba xokk qawwi.

Fl-aħħar sigħat fuq Facebook, l-organizzaturi TEN08 li tellgħu l-ispettaklu Rock the For nhar il-ġimgħa li għadda taħt il-Forti Sant’Anġlu, tellgħu filmat fuq Facebook li juri l-aħħar biċċa xogħol ta’ Colin Muscat: spettaklu tan-nar li nħaraq waqt l-għeluq tal-kunċert.

U fuq il-midja soċjali, ma jaqtgħu xejn il-messaġġi ta’ solidarjetà mal-qraba u d-dilettanti tan-nar. Minbarra sensiela ta’ stqarrijiet minn għaqdiet mużikali u tal-piroteknika, kienu diversi dawk li fakkru l-memorja ta’ Muscat.

Hu kien deskritt bħala raġel b’qalb kbira u talent fil-logħob tan-nar li għen lil ħafna żgħażagħ irawmu din il-passjoni u jtejbu l-ħiliet tagħhom.

Sadattant il-Ħadd filgħaxija, qabel id-dħul tal-vara tat-Trinità tal-Marsa fil-knisja, f’għeluq il-festa, dawk preżenti waqfu għal minuta silenzju b’rispett għall-memorja tiegħu.

Ikkummenta