Wara li nħatar bħala kowċ nazzjonali aktar kmieni dan ix-xahar, għada Ray “Żażu” Farrugia se jagħmel id-debutt fit-tmexxija tat-tim Malti b’konfront kontra l-Armenja, qabel konfront ieħor il-Ġimgħa kontra Georgia, biż-żewġ logħbiet jibdew fis-7.00pm. Dawn huma żewġ partiti ta’ ħbiberija li qed jagħmlu parti minn kamp ta’ taħriġ li t-tim nazzjonali Malti qed jagħmel fl-Awstrija.
L-iskwadra ta’ Farrugia tinvolvi plejers żgħażagħ u oħrajn ta’ esperjenza. Fosthom il-plejers ta’ esperjenza hemm il-captain Michael Mifsud li lagħab aktar minn 125 logħba mat-tim nazzjonali, il-Plejer tas-Sena tal-MFA Andrew Cohen u Roderick Briffa.
Il-preparazzjoni ta’ Farrugia kienet imtappna b’diversi plejers li kellhom jirtiraw mill-iskwadra minħabba li jinsabu mweġġgħin. Dawn huma d-difensur ta’ Arezzo Zach Muscat, id-difensur ta’ Birkirkara Cain Attard, iż-żewġ midfielders ta’ Hibernians Bjorn Kristensen u Johann Bezzina, l-attakkant ta’ Chiasso Jean Paul Farrugia u l-attakkant ta’ Apollon Limassol Andrè Schembri.
Fl-iskwadra magħżula, Farrugia sejjaħ sitt plejers mill-iskwadra ta’ taħt il-21 sena. F’kummenti li għadda www.mfa.com.mt, Farrugia qal li “minkejja li din hi daqqa ta’ ħarta għalina, għajjatna sitt żgħażagħ u dan hu pass pożittiv li jawgura tajjeb għall-futur tat-tim nazzjonali.
Din hi opportunità tajba għal dawn il-plejers biex jidħlu fl-iskwadra, jitħarrġu ma’ plejers aktar b’esperjenza u jieħdu l-prattika ta’ logħob internazzjonali.
Minħabba n-nuqqas ta’ xi plejers, Ray Farrugia u Branko Nisevic kellhom jibdlu l-għażla ta’ 26 plejer li kienu sejħu aktar kmieni dan ix-xahar. Fost iż-żgħażagħ hemm il-plejers versatili ta’ Hibernians Joseph Mbong u Myles Beerman ta’ Rangers, il-midfielder ta’ Birkirkara Jake Grech, il-midfielder ta’ Hibernians Dunstan Vella, u l-attakkanti ta’ Hibernians u Valletta rispettivament, Jurgen Degabriele u Kyrian Nwoko.
Magħżula hemm ukoll il-gowlkiper ta’ Ħamrun Steve Sultana u d-difensur ta’ Victoria Hotspurs Ferdinando Apap, li huma żewġ plejers Għawdxin
Dan il-kamp ta’ taħriġ se jservi bi preparazzjoni għall-partiti li t-tim Malti għandu fil-UEFA Nations League bejn Settembru u Novembru li ġej.
Skwadra finali
Gowlkipers: Henry Bonello (Valletta), Andrew Hogg (Hibernians), Steve Sultana (Ħamrun Spartans)
Difensuri: Andrei Agius (Hibernians), Ferdinando Apap (Victoria Hotspurs), Steve Borg (Valletta), Ryan Camilleri (Valletta), Michael Johnson (Balzan), Jurgen Pisani (Floriana), Joseph Zerafa (Valletta)
Midfielders: Myles Beerman (Glasgow Rangers), Roderick Briffa (Gżira United), Paul Fenech (Balzan), Luke Gambin (Luton Town), Jake Grech (Birkirkara), Joseph Mbong (Hibernians), Stephen Pisani (Floriana), Dunstan Vella (Hibernians)
Attakkanti: Andrew Cohen (Gżira United), Jurgen Degabriele (Hibernians), Alfred Effiong (Balzan), Michael Mifsud (Valletta), Kyrian Nwoko (Valletta)
//= $special ?>