Lokali

Regoli ġodda tal-Unjoni Ewropea biex jitnaqqas l-iskart fil-baħar: Ara kif se jaffettwawk!

Bl-ammont dejjem jikber ta’ skart tal-plastik li jagħmel il-ħsara fl-oċeani u l-ibħra, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi regoli ġodda għall-UE kollha mmirati għall-għaxar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, li jinsabu ta’ spiss fix-xtajtiet u l-ibħra tal-Ewropa, kif ukoll għall-irkaptu tas-sajd mitluf u abbandunat.

F’daqqa dawn jiffurmaw 70 % tal-oġġetti kollha tal-iskart fil-baħar. Ir-regoli l-ġodda huma proporzjonati u mfassla biex jiksbu l-aħjar riżultati. Dan iffiser li se jiġu applikati miżuri differenti għal prodotti differenti.

Meta l-alternattivi jkunu disponibbli minnufih u affordabbli, il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss mhux se jitħallew jidħlu fis-suq. Għall-prodotti mingħajr alternattivi sempliċi, l-enfasi qiegħda fuq il-limitazzjoni tal-użu tagħhom permezz ta’ tnaqqis nazzjonali fil-konsum; rekwiżiti ta’ disinn u tikkettar u obbligi ta’ mmaniġjar tal-iskart/tindif għall-produtturi. Flimkien, dawn ir-regoli l-ġodda se jqiegħdu lill-Ewropa fuq quddiem nett fi kwistjoni b’implikazzjonijiet globali.

Wara l-azzjonijiet meħuda għall-basktijiet tal-plastik fl-2015, 72 % tal-Ewropej qalu li naqqsu l-użu tagħhom tal-basktijiet tal-plastik (Ewrobarometru). L-UE issa qed tiffoka fuq l-aktar għaxar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u l-irkaptu tas-sajd, li flimkien jammontaw għal 70 % tal-iskart fil-baħar fl-Ewropa. Ir-regoli l-ġodda se jintroduċu:

– Projbizzjoni tal-plastik f’ċerti prodotti: Il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss se jiġu pprojbiti mis-suq jekk jeżistu alternattivi disponibbli minnufih u affordabbli. Il-projbizzjoni se tapplika għal stikek tal-cotton buds, pożati, platti, straws, stikek li jintużaw biex iħawdu x-xorb u stikek tal-bżieżaq, kollha magħmulin mill-plastik, li minflok se jkollhom isiru kollha esklussivament minn materjali sostenibbli. Il-kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss, magħmula mill-plastik, se jkunu permessi biss fis-suq jekk it-tappijiet u l-għotjien tagħhom jibqgħu mwaħħlin;

– Miri għat-tnaqqis fil-konsum: L-Istati Membri se jkollhom inaqqsu l-użu tal-kontejners tal-ikel u t-tazzi tax-xorb magħmulin mill-plastik.Jistgħu jagħmlu dan billi jistabbilixxu miri ta’ tnaqqis nazzjonali, jagħmlu disponibbli prodotti alternattivi fil-punti tal-bejgħ, jew jiżguraw li l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss ma jingħatawx b’xejn;

– Obbligi għall-produtturi: Il-produtturi se jgħinu biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart u t-tindif, kif ukoll tal-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni għall-kontenituri tal-ikel, il-pakketti u l-boroż (bħal dawk għall-krisps u l-ħelu), il-kontenituri u t-tazzi tax-xorb, il-prodotti tat-tabakk bil-filtri (bħal-loqom tas-sigaretti), il-wet wipes, il-bżieżaq, u l-basktijiet tal-plastik ħfief. L-industrija se tingħata wkoll inċentivi biex tiżviluppa alternattivi għal dawn il-prodotti li jniġġsu anqas;

– Miri ta’ ġbir: L-Istati Membri se jkunu obbligati li sal-2025 jiġbru 90 % tal-fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss, pereżempju permezz ta’ skemi tar-rimborż tad-depożitu;

– Rekwiżiti tat-tikkettar: Uħud mill-prodotti se jkunu jeħtieġu tikkettar ċar u standardizzat li jindika kif għandu jintrema l-iskart, l-impatt ambjentali negattiv tal-prodott, u l-preżenza tal-plastik fil-prodotti. Dan se japplika għall-assorbenti sanitarji, il-wet wipes u l-bżieżaq;

– Miżuri ta’ sensibilizzazzjoni: L-Istati Membri se jkollhom l-obbligu għas-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-impatt negattiv tar-rimi fl-ambjent tal-iskart tal-plastik li jintuża darba biss u tal-irkaptu tas-sajd, kif ukoll dwar is-sistemi għall-użu mill-ġdid disponibbli u l-għażliet għall-immaniġjar tal-iskart għal dawn il-prodotti kollha.

Għall-irkaptu tas-sajd, li jammonta għal 27 % tal-iskart fuq ix-xtajtiet, il-Kummissjoni għandha l-għan li tlesti l-qafas ta’ politika eżistenti bl-iskemi ta’ responsabbiltà tal-produtturi għall-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik. Il-produtturi tal-irkaptu tas-sajd tal-plastik se jiġu mġiegħla jkopru l-ispejjeż tal-ġbir tal-iskart mill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet, kif ukoll it-trasport u t-trattament tiegħu. Se jkopru wkoll l-ispejjeż tal-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni.

Il-proposti tal-Kummissjoni issa se jmorru għall-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet l-oħra biex jagħtu prijorità lil dan id-dossier, u biex jiksbu riżultati tanġibbli għall-Ewropej qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju 2019.

Biex tfakkar il-Jum Dinji tal-Ambjent fil-5 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni se tniedi wkoll kampanja ta’ sensibilizzazzjoni fl-UE kollha li titfa’ l-lenti fuq l-għażla tal-konsumaturi u tenfasizza r-rwol tal-persuni individwali fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-plastik u l-iskart fil-baħar.