Lokali Parlament

It-taħriġ tal-uffiċjali tal-OHSA hu prijorità…l-investiment għandu jsir fejn meħtieġ

– Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Cluadette Buttigieg appellat biex it-taħriġ tal-uffiċjali tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ikun prirjorità għall-Awtorità minħabba li m’hemmx flus ivvutati għal dan is-settur.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-OHSA, Claudette Buttigieg qalet li l-gvern mhux jirrispetta ċertu linji tant li ċ-Chairman tal-Awtorità llum fetaħ id-diskussjoni. Hi tkellmet dwar l-importanza tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u qalet li ċ-Chairperson qed jiswa €22,600, li jfisser li flimkien mal-persuni ta’ fiduċja qed jiswew €53,000 fis-sena; li jiġu €75,000 fis-esna bil-bord b’kollox. Fl-Awtorità hemm 35 persuna ingaġġati mal-Awtorità bi spiża ta’ iktar minn €800,000 fis-sena bħala pagi.

Id-deputat Nazzjonalista staqsiet x’valur għandhom dawn il-ħlasijiet meta din l-Awtorità għandha bżonn iktar nies u iktar flus. Hi qalet li b’€75,000 l-OHSA setgħet ħaddmet erba’ spetturi oħra; liema spetturi huma tant meħtieġa. Qed jinqablu l-prijoritajiet. Bħalissa r-reklutaġġ tal-impjegati waqaf u għalhekk l-OHSA ma tistax tkompli taġġorna. Hi staqsiet għaliex il-bord twaqqaf milli jingaġġa iktar nies meta dawn hemm bżonnhom u x’qed iżomm milli jkun finalizzat dan il-ftehim kollettiv.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-Ufiċċju taċ-Chairman ħa żieda ta’ €6,000 fis-sena. It-taħriġ hu fundamentali, sostniet Claudette Buttigieg, li qalet li hemm biss €1,000 għat-taħriġ; ammont li hu €29 kull ħaddiem tal-OHSA. L-Awtorità m’għandhiex ir-riżorsi biex tagħmel l-istħarriġ meħtieġ dwar problemi ta’ stress u mard relatat mal-asbestos li jiffaċċjaw il-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol fost l-oħrajn.

Id-deputat Nazzjonalista staqsiet kemm hawn postijiet tax-xogħol li għandhom uffiċjal tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Hi staqsite min se jkunu l-membri tal-Kummissjoni u kemm se jkun kbir is-segreterjat. Dan hu settur li jeffettwa l-ambjent u s-saħħa tal-ħaddiema. Is-sena li għaddiet kien hemm fatalità waħda iżda fis-snin ta’ qabel kien hemm numru ikbar. Ma jistax ikun li l-OHSA trid taħdem b’nuqqas ta’ flus meta l-flus qed jintefqu fuq aspetti oħra, sostniet Claudette Buttigieg.