Lokali

Tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Liam Debono

Fil-Qorti bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Liam Debono li jinsab akkużat bl-attentat ta ‘ Qtil tal-kuntistabbli Simon Schembri.

Fil-qorti ingħad kif il-ġrieħi setgħu kienu fatali li kieku ma tteħditx azzjoni mmedjata mill-ewwel mill-Paramediċi. L-ewwel ma xehed kien it-tabib mid-dipartiment tal-Emerġenza li qal li l-ġrieħi li kellu Schembri kienu fost l-agħar li qatt ra.

Xehed ukoll l-ispettur Fabian Fleri li rrakkonta kif seħħ l-inċident sakemm sar l-arrest taż-żagħżugħ. Spjega li l-Kuntistabbli  Schembri waqqaf lil Liam Debono għaliex ma kienx libes seat belt, talbu għal liċenzja tas-sewqan u Debono wieġeb li ma kienetx fuqu u eventwalment saq għal fuq il-Pulizija. Il-Kuntistabbli Schembri instab 400 metru ‘l bogħod, mitluq mal-art. Saħaq li l-inċident tant kien gravi li telefonata li saret minn tifla għall-għajnuna qalet li l-Pulizija kien maħsub li hu mejjet.

Hekk kif Debono ħarab mill-Post fid-direzzjoni lejn Ta’ Kandja kienu nfurmati l-Pulizija tal-RIU li ħarġu minn Ta’ Kandja stess u Debono kif ra l-Pulizija prova jdur u spiċċa f’ħajt…. Ħareġ mill-vettura fejn ħarab jiġri u eventwalment kien arrestat.

Il-Pulizija għamlet lil Debono ukoll eżami tal-breathalyser li rriżulta fin-negattiv.

Waqt l-interrogazzjoni fil-preżenza ta’ avukat u kollox irrekordjat, Debono baqa’ passiv u kull ma qal kien li joqgħod f’garaxx li fih suppost hemm il-karrozza ggaraxjata.

Fix-xhieda tal-Ispettur Pier Guido Saliba ingħad kif Simon Schembri kien xtara l-ilbies protettiv minn jheddu, xi ħaġa li ġabet reazzjoni mill-Maġistrat Joe Mifsud jisħaq li l-Pulizija għandhom jingħataw l-aqwa mezzi ta’ sigurtà.

Xehedu wkoll aktar pulizija u kollegi ta’ Simon Schembri li rrakkontaw ix-xena ta’ tkexkix li sabu ma wiċċhom u ħareġ ukoll kif ix-xena li raw quddiem għajnejhom kienet waħda li ħalliet fuqhom xokk kbir.

Lejn tmiem is-seduta id-difiża għamlet talba għall-superviżjoni ta’ Debono liema talba intlaqgħet.G ħalhekk Liam Debono se jkun qed jinżamm taħt superviżjoni fit-Taqsima YOURS fl-Imtaħleb.

Is-seduta ġiet aġġornata u mistennija tkompli nhar il-Ġimgħa l-ewwel ta’ Ġunju fid-9am.