Il-Malta Developers Association, l-MDA esprimiet id-diżappunt tagħha għall-emendi li jirregolaw il-kera u li qiegħed idaħħal fis-seħħ il-Gvern, u saħqet li s-sidien spiċċaw f’sitwazzjoni inċerta u mhux ġusta.
L-MDA irreferiet għall-emendi introdotti permezz tal-Att 8 tas-sena 2018, li jemenda l-provvedimenti tal-Kodiċi Ċivili li jirregolaw il-kera u liema provvedimenti kienu ġew introdotti fis-sena 2009 bħala parti minn pakkett sħiħ ta’ emendi li kienu intenzjonati li jirregolaw darba għal dejjem, fost oħrajn, il-kirjiet kummerċjali ta’ qabel is-sena 1995.
L-Assoċjazzjoni qalet li huwa ta’ diżappunt kif provvedimenti legali li kienu jagħtu pri-avviż daqshekk twil dwar kif kellhom jiġu regolati dawn il-kirjiet, ġie emendat ftit tal-ġranet qabel skada l-ewwel terminu iffissat sa minn tant żmien ilu.
Permezz ta’ dawn l-emendi, is-sidien, minflok ċertezza, tpoġġew f’sitwazzjoni li jridu jaraw l-eżitu ta’ proċeduri legali dwar jekk l-inkwilin għandux jiżgombra mill-fond mikri jew le.
Bosta sidien kienu ilhom jippjanaw għal din l-iskadenza, iżda issa, litteralment lejliet li din l-iskadenza kellha sseħħ, spiċċaw f’sitwazzjoni inċerta u mhux ġusta. Iċ-ċertezza legali u l-iskop wara l-emendi tas-sena 2009, li taw avviż ċar ta’ disa’ snin, sfaxxa, u l-Assoċjazzjoni hija perplessa kif, wara tant żmien, konsultazzjonijiet u rapporti, dak li ġie approvat fis-sena 2009 ġie mibdul proprju lejliet waħda mill-iskadenzi importanti li kien fiha l-liġi.
Fi stqarrija, l-MDA tirreferi ukoll għall-Abbozz ta’ Liġi 42 tas-sena 2018, fejn hemm proposti ta’ emendi kemm għall-Kap 158 tal-Ligijiet ta’ Malta kif ukoll għall-Kodiċi Ċivili.
L-Assoċjazzjoni tinsisti li dawn l-emendi għandhom ikunu suġġett għal analiżi u konsultazzjoni effettiva billi anke f’dan il-każ, qed ikunu introdotti emendi bl-iskop li jissalvagwardjaw lill-inkwilini b’mod li għal darb’oħra jimponu piż mhux ekwu fuq is-sidien.
L-emendi intenzjonati sabiex jiġu protetti kirjiet ta’ każini tal-banda saħansitra jipprovdu li sentenza mogħtija mill-Qrati ma tistax tiġi infurzata. Dan huwa ta’ tħassib kbir għall-MDA u jikkostitwixxi preċedent serju.
L-Assoċjazzjoni tifhem li hemm inkwilini li jservu skopijiet soċjali, iżda ċertament dan m’għandux jissarraf fi preġudizzju lejn minn ikun qiegħed iġorr waħdu l-piż ta’ kirjiet u kundizzjonijiet irraġonevoli u inġusti wara li jkun ħa tant żmien twil sabiex fl-aħħar jottjeni ġustizzja.
//= $special ?>
