Lokali Parlament

‘PN hardcore’ ma ddaħħlux jaħdmu il-Wasteserv fi żmien Gvern Nazzjonalista

Id-deputati tal-Gvern l-ewwel talbu lid-deputat Marthese Portelli tixhed u wara riedu lil Beppe Fenech Adami

Emails ppreżentati fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) jikkonfermaw li persuni identifikati bħala ‘PN hardcore’ ma ddaħħlux jaħdmu fil-Wasteserv qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.

Laqgħa tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) fil-bidu kienet sospiża biex jingħata ruling wara li l-membri tal-Gvern bidlu l-pożizzjoni tagħhom u minflok lid-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli riedu liċ-Chairman tal-istess kumitat Beppe Fenech Adami Adami biex jixhed dwar l-investigazzjoni tal-PAC fuq l-ingaġġ ta’ ħaddiema bejn Jannar 2016 u Ġunju 2017 fil-Wasteserv.

Sakemm ingħata dan ir-ruling, bdiet tixhed id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli.

Fil-bidu tas-seduta iċ-Chairman Beppe Fenech Adami sejjaħ lid-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli biex tixhed skont kif talbu l-membri tal-Gvern.

Id-deputat Laburista Robert Abela qal li l-Gvern qed jitlob li l-ewwel xhud ikun id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, li hu ċ-Chairman tal-PAC. Id-deputat Laburista kompla li l-membri tal-gvern kienu talbu li dan il-każ ma jkunx presedut minnu.

Id-deputat Nazzjonalista u Chairman tal-PAC Beppe Fenech Adami qal li biex jixhed hu jkun irid jinħatar membru ieħor u sostna li fl-aħħar seduta l-membri tal-gvern ma indikawx li kienu se jitolbu lilu tant li d-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli kienet diġà preżenti.

Iċ-Chairman tal-PAC Beppe Fenech Adami qal li hu kien se jixhed meta l-membri tal-gvern jinnotifikawh biex jixhed. Hu appella lill-mmebri tal-gvern biex ikunu leali għaliex ix-xhieda dejjem kienu notifikati minn qabel. Beppe Fenech Adami qal li hu kien lest jixhed fis-seduta li jmiss u spjega li biex ikun hemm chairman ieħor trid issir mozzjoni fil-parlament; liema mozzjoni ma saritx.

Il-membri tal-gvern opponew din il-pożizzjoni u baqgħu jinsistu li għandu jixhed Beppe Fenech Aadmi qabel id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostna li wara li l-laqgħa tal-aħħar kumitat, il-membri tal-gvern kienu talbu min se jkun ix-xhud għal-lum u fis-26 ta’ Mejju 2018 intbgħatet email minn Robert Abela lis-segretarja tal-Kumitat (PAC) li fiha intalab li Marthese Portelli kellha tkun ix-xhud li jmiss għall-Gvern. Is-segretarja tal-kumitat talbet lil Marthese Portlli biex tixhed u din telgħet tixhed. Beppe Fenech Adami talab lll-membri tal-gvern biex jagħmlu l-mistoqsijiet lil Marthese Portelli li kienet preżenti.

Id-deputat Laburista Robert Abela qal li hi prassi tal-kumitat hi li meta xhieda jkunu preżenti, dawn jistgħu jintalbu biex jixhdu u għalhekk Beppe Fenech Adami intalab jixhed. Il-membri tal-gvern insistew li Beppe Fenech Adami jixhed u li jekk dan ma jsirx se jintalab ruling.

Wara li ma kinx hemm qbil, kemm il-membri tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni qablu li jitolbu ruling lill-Ispeaker.

Il-PAC kien sospiż sakemm jingħata r-ruling.

Fuq deċiżjoni taċ-Chairperson u waqt li ma għadu ma ngħatax ir-ruling, bdiet tixhed Marthese Portelli li kienet direttur mhux eżekuttiv għal madwar ħames snin qabel l-2013. Hi kienet titħallas €3,500 fis-sena bħala allowance għal direttur għar-responsabbiltà li huma jkunu qed jassumi bħala diretturi.

Marthese Portelli qalet li hi kienet tassumi r-responsabbiltajiet tagħha skont il-liġi. Mistoqsija dwar emails li hi bgħatet lis-CEO tal-Wasteserv f’Novembru 2012, Marthese Portelli qalet li hi ma kinitx tidħol fl-operat u ma kellha l-ebda deċiżjoni dwar il-ħaddiema li kienu qed jingħażlu. Hi qalet li jista’ jkun li kellha l-email hacked jew li xi persuna bagħat email mill-account tagħha.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li fl-email hi kienet qed tistaqsi dwar numru ta’ ħaddiema li marru interview iżda ma ntgħażlux u li għandhom dritt legali li jkunu jafu għaliex ma ngħażlux. Il-Wasteserv kienet daħlet proċeduri dwar kif isiru l-applikazzjonijiet; liema applikazzjonijiet ma kinux imorru quddiem il-bord. Kien sar ukoll grid dwar l-interviews li jsiru u l-punti li jingħataw biex ikun hemm trasparenza assoluta fuq l-ingaġġ tan-nies.

Mistoqsija dwar persistenza mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru (Lawrence Gonzi) dwar impjieg lil tliet persuni, Marthese Portelli qalet li l-persuni li ma ntgħażlux riedu spjegazzjoni għaliex ma ntgħażlux huma u flokhom ingħażlu barranin. Hi spjegat li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi qatt ma kien kellimha dwar ingaġġ ta’ persuni iżda kien hemm persuna bl-isem ta’ Monica Mizzi li kienet staqsitha għaliex kienu qed jingħażlu barranin flok Maltin.

Għal iktar mistoqsijiet tad-deputat Laburista Robert Abela, id-deputat Nazzjonalista qalet li Ray Bezzina kien impjegat fil-Ministeru tal-Ministru George Pullicino u spjegata li hi ma kinitx taf xi rwol kellha l-mara tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Marthese Portelli qalet li hi qatt ma rat l-emails li qed isemmi d-deputat Robert Abela dwar ingaġġ ta’ persuni.

Id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli xehdet li dan il-każ ilu 10 snin u sostniet li persuna li qed issemmi d-deputat Laburista Julia Farrugia Portelli u identifikat bħala ‘PN hardcore’ ma ngħażilx għal impjieg fil-Wasteserv. Hi spjegat li hi kienet tgħaddi l-emails kollha li tirċievi lic-CEO tal-Wasterv.

Mistoqsija dwar Chris Said, Marthese Portelli qalet li sa fejn taf hi, Chris Said ma kellux rwol fil-Wasteserv. Id-deputat Laburista Robert Abela għamel riferenza għal email mibgħuta minn Chris Said lil Ray Bezzina dwar tliet persuni biex ikunu ingaġġati fil-Wasteserv.

Marthese Portelli qalet li hi ma tistax twieġeb dwar dak li intqal fl-emails u spjegat li ma tiftakarx li kien issemma’ l-punt li kien hemm bżonn Chris Said fil-Wasteserv. Id-deputat Nazzjonalista qalet li hi ma kinitx taf min kien ikun impjegat fil-Wasteserv u spjegat li kien hemm proċedura ta’ ingaġġ biex il-persuni jkunu impjegati fil-kumpanija.

F’dan l-istadju, minħabba li r-ruling ma kinx għadu ingħata, il-membri tal-Gvern irtiraw it-talba għar-ruling minħabba li din issa m’għadhix valida.

Fuq mistoqsija tad-deputat Laburista Robert Abela, Marthese Portelli qalet li fl-operat tal-Wasteserv hi qatt ma kellha ebda indħil politiku. Hi spjegat is-sistema kif kienu jingħażlu l-impjegati fil-Wasteserv.