Lokali

Għandna viżjoni ta’ soċjetà li jimpurtaha – Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Rappreżentanza fil-Partit Nazzjonalista minn kull qasam tal-ħajja

“Aħna nemmnu, u aħna għandna viżjoni ta’ soċjetà li jimpurtaha . Soċjetà li jimpurtaha min-nies tagħha.”

Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat minn Reno Bugeja, Kap tal-Aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali fil-programm ‘Disett’, fuq TVM.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li s-socjetà hija magħmula minn kategoriji ta’ nies u sostna li filwaqt li hu tajjeb li l-pajjiz jimxi ’l quddiem, irridu naraw li dak il-ġid qed jasal għand kulħadd.

Adrian Delia sostna li din is-socjetà hija magħmula wkoll mhux minn dawk biss li qed igawdu mill-ġid li qed jinħoloq, imma wkoll dawk il-50,000 li jinsabu fil-faqar, is-socjetà li hi magħmula wkoll minn dawk li għandhom mard li l-mard tagħhom mhux intitolati mill-għajnuna tal-gvern.

Soċjetà li jimpurtaha wkoll li waqt li l-proprjetà qed twassal biex il-pajjiż jimxi ’l quddiem, fl-istess ħin qed twassal biex ħafna persuni jinsabu fi tbatija mhux għax mhux jirnexxilhom jixtru imma għax mhux ilaħqu mal-prezzijiet tal-kirjiet. Adrian Delia spjega li din hi soċjetà li jimpurtaha minn dawk l-aktar dgħajfin fis-soċjetà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega l-vot tal-Partit Nazzjonalista dwar il-marijuana għall-użu mediku, u saħaq li l-Partit Nazzjonalista jimpurtah ukoll minn dawn in-nies. Spjega wkoll li l-Partit Nazzjonalista jimpurtah ukoll minn dawk li qed jgħaddu mill-vjolenza domestika, kontra għal dak li prova jagħti l-impressjoni l-Partit Laburista.

Hu kompla li jfisser kif il-Gvern għażel li jaqbad uman wieħed u jneħħilu l-protezzjoni, “u qabad mat-tarbija fil-ġuf”.

Adrian Delia sostna li fuq materja ta’ ħajja, il-prinċipju ma jiċċaqlaqx u l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jipprtoeġi t-tarbija fil-ġuf.

“Qegħdin fi triq ċara dritta. Illum, bid-deċiżjonijiet li ħadna hawn partit wieħed biss favur il-ħajja,” qal Adrian Delia li kompla jispjega li hu wiegħed li f’suġġetti ta’ drittijiet morali se jagħti free vote, u li hekk għamel f’dan il-każ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-ambjent u l-iżvilupp, u sostna li għandna nippjanaw fit-tul. Filwaqt li rridu naraw ir-regolamenti tal-Awtorità tal-Ippjanar illum u nimxu magħhom, Adrian Delia qal ukoll bi kritika lejn il-Gvern ta’ Muscat, li ma nistgħux ngħawġu r-regoli skont il-kuntrattur.

Hu sostna li l-gvern jagħmel il-kuntrarju, bħalma għamel fil-każ tal-iżvilupp mill-Ġordanizi fl-hekk imsejħa American University of Malta.

Meta kompla jwieġeb għal aktar mistoqsijiet tal-Kap tal-Aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali,  Adrian Delia qal b’rabta mas-sitwazzjoni ta’ mijiet ta’ barranin li qed jiġu Malta biex jaħdmu minħabba ċ-ċirkustanza u s-sitwazzjoni li nħolqot fl-aħħar snin, li “għandna pajjiż żgħir, għandna pajjiż sabiħ, iżda fejn se joqogħdu 70,000?

Tkellem ukoll dwar il-kuntratt tal-Vitals li ngħata mill-Gvern ta’ Muscat u li ħadd ma jaf x’fih, għat-tmexxija ta’ tliet sptarijiet pubbiċi u li fih kien hemm ksur. Adrian Delia qal li l-aħħar żvilupp seħħ nhar it-Tnejn meta fil-kawża li qed tinstema’,  il-Qorti ddikjarat li mhix qed tilqa’ t-talba tal-Vitals Global Health Care biex jibqgħu mistura dokumenti li hemm mal-kuntratt tal-ftehim mal-Gvern uli jinkludu konċessjoni u anke l-mod kif kien se jiġi mogħti s-servizz tas-saħħa.  Il-kawża nfetħet fil-Qorti minn Adrian Delia, bħala Kap tal-Oppożizzjoni, fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin biex jingħataw lura l-isptarijiet lill-poplu.

Fl-intervista kien trattat ukoll is-settur tal-ambjent u l-kontroversji li hawn bħalissa b’rabta ma’ żviluppi kbar li qed ikollhom impatt fuq il-komunitajiet u r-residenti. “Jien assolutament mhux kontra l-izviluppaturi. Jien irrid li jibqgħu jaħdmu u nserrħilhom moħħhom. Il-Partit Nazzjonalista mhux kontra l-izvilupp imma kontra l-iżvilupp mingħajr pjan.” Adrian Delia kompla li hu jaqbel li jkun hemm pjan fit-tul – proġettazzjoni ta’ 30 sena.

Dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, Adrian Delia qal li hu kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza u l-bejgħ tas-sovranità ta’ pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jaqbel li pajjiżna jġib l-investiment u li nġibu nies sinjuri, imma mhux inbiegħu lil pajjiżna. Hu fisser li għandna nġibu investiment ta’ veru, u investituri li jemmnu fil-pajjiż.

Bħala Prim Ministru, sostna Adrian Delia, irid li jġib Malta investituri serji u mhux nies bħal Pilatus Bank. “Ma naċċettax bank bi flus maħmuġin,” qal Adrian Delia meta kompla jwieġeb aktar mistoqsijiet ta’ Reno Bugeja.

Mistoqsi wkoll dwar l-emendi li qed isiru mill-Gvern dwar il-liġi li tirregola l-IVF u dwar is-surrogacy, Adrian Delia ddikjara li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jgħin lil dawk il-koppji li għandhom problema ta’ infertilità.

Hawnhekk reġa’ kien diksuss is-settur tas-servizzi tas-saħħa anke b’rabta mal-kuntratt li l-Gvern iffirma ma’ Vitals. Adrian Delia wieġeb li hu mhux jiddefendi “lil min jisraq lil pajjizna”.

Mistoqsi dwar l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u tal-Membri għall-Parlament Ewropew sena oħra, Adrian Delia sostna li “l-proġett li qed naħdem għalih iwassal sal-elezzjoni ġenerali”.

Dwar il-bidliet li qed iseħħu fil-Partit mhux biss fil-mod kif issir il-politika iżda wkoll fil-ħsieb u l-viżjoni, Adrian Delia qal li “jien naħseb li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn demm ġdid across the board, u rrid rappreżentanza minn kull qasam tal-ħajja”.

Meta kien mistoqsi jitkellem dwar il-ħlasijiet li għamel lid-Dipartiment tat-Taxxa biex għalaq il-pendenzi li kellu, u kif ta prova b’evidenza lill-ġurnalisti tad-dokumenti kollha li juru b’mod ċar li l-ħlas sar minn butu stess, Adrian Delia għamel sfida lill-membri parlamentari biex jagħmlu kif għamel hu fejn iddikjara kollox fit-taxxa.​