Is-sewwieqa tat-trakkijiet fil-Brażil komplew bl-azzjonijiet industrijali li paralizzaw lill-pajjiż għal diversi jiem minkejja li l-Gvern iddeċieda biex inaqqas il-prezz tad-diesel.
Filwaqt li ħafna fost il-unions tas-sewwieqa appoġġjaw it-tnaqqis, hemm ukoll il-unions li baqgħu jippersistu bil-protesti, bis-sewwieqa-membri tagħhom jagħlqu t-toroq ewlenin madwar il-pajjiż. Dan meta mijiet ta’ impjanti fin-nofsinar tal-Brażil li jipproduċu kważi l-etanol kollu tal-pajjiż kellhom jieqfu minħabba nuqqas ta’ fuel.
L-azzjoni ħalliet impatt kbir għall-ħajja ta’ kuljum fil-Brażil, fejn ma waqfux is-sriebet twal quddiem il-pompi tal-petrol u bil-konsum jonqos sew fis-supermarkets tal-pajjiż.
Intant, l-ajruporti fil-Brażil qed jispiċċalhom il-fuel, meta l-qawwiet tas-sigurtà Brażiljani huma kostretti li jipprovdu skorta għat-tankers tal-fuel f’numru ta’ Stati.
Is-sewwieqa li għaddejjin bl-istrajk sfidaw it-theddid tal-President tal-Brażil, Michel Temer, li qal li se jibgħat lill-Armata ‘biex tikkontrolla s-sitwazzjoni’. Dan meta l-Gvern qed jgħid li ‘attivisti ta’ kontra l-amministrazzjoni spiċċaw jinfiltraw uħud mill-unions’.
L-għadab oriġinali tas-sewwieqa tat-trakkijiet kien dovut għal żieda fil-prezz tad-diesel fil-bidu tas-sena, u, fl-aħħar xhur, ma naqsux is-sejħiet għar-riżenja tal-Gvern.
//= $special ?>


