Lokali Parlament

Il-gvern irid ikun ta’ spalla ma’ min hu vulnerabbli…l-Awtorità tad-Djar trid tkun ikona tar-ruħ soċjali

– Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-Gvern għandu jkun ta’ spalla għall-persuni vulnerbabli fis-soċjetà.

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-Awtorità tad-Djar, Ivan Bartolo qal li l-għajnuna ta’ djar trid tingħata lil min verament għandu bżonn u sostna li r-rwol tal-gvern hu li jassigura li kull bniedem ikollu post diċenti fejn joqgħod. Għad hawn 20% tal-Maltin li m’humiex sidien ta’ djarhom u li għalhekk qed jiffaċċjaw diffikultajiet. Għad hawn persuni li jgħixu fil-karozzi, fil-garaxxijiet, f’garaxxijiet taħt l-art u każi ta’ kirjiet li jinqasmu ma’ persuni li ma jafux.

Il-vulnerabbli qed ikollhom jiffaċċjaw dawn id-diffikultajiet għax m’għandhomx għażliet. Fl-2018 hawn tbatijiet kbar ta’ persuni jikru f’postijiet u kundizzjonijiet mhux xieqra u dipressanti. L-akbar tbatija tkun meta dawn il-persuni jkollhom jitbiegħdu mill-ġenituri tagħhom.

Il-Gvern irid ikun ta’ spalla għal dawn il-persuni. Hawn ġenituri anzjani li jrabbu t-tfal tat-tfal li jinsabu f’diffikultajiet. Jeżistu diffikultajiet fost anzjani li jinsabu msakkra ġo djarhom għax ma jistgħux joħorġu minħabba nuqqas ta’ mobilità u aċċessibbiltà.

L-Awtorità tad-Djar għandha tkun ikona tar-ruħ soċjali, sostna Ivan Bartolo, li kompla li l-Gvern m’għandux ikun is-soluzzjoni ta’ kollox. Il-gvern għandu jikkunsidra l-postijiet mitluqa u abbandunati u għandhom jittieħdu l-passi neċessarji biex dawn il-postijiet ma jibqgħux mhux utilizzati. Il-Gvern għandu joħloq inċentivi f’dan ir-rigward.

Fil-pajjiż hawn 3,500 applikazzjoni għal djar soċjali, għalkemm ma jfissirx li l-applikazzjonijiet huma kollha ġenwini.