Lokali Parlament

Il-media soċjali qed tintuża għal kampanji ta’ mibgħeda

– Therese Comodini Cachia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia sostniet li l-media soċjali qed tintuża għal kampanji ta’ mibgħeda fejn jirriżulta li l-Prim Ministru u membri tal-gvern huma mmebri fi gruppi ta’ mibgħeda fuq il-media soċjali.

Fl-Aġġornament Therese Comodini Cachia semmiet il-mod kif il-media soċjali tista’ tkun abbużata biex issir ħsara lill-oħrajn. Hi sostniet li min jinħeba wara l-kompjuter jew wara l-fake profiles isir problema għaliex ikun qed jesprimi mibgħeda u jxewwex fil-konfront tal-oħrajn.

Hi qalet li għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa fil-konfront ta’ dawn il-persuni. Dawn il-messaġġi jiddominaw u jwasslu biex jinħolqu gruppi ta’ theddid. Dawn il-persuni huma kapaċi jorkestraw attakk serju fuq il-persuni. F’soċjetajiet mhux demokratiċi, dawn l-attakki jsiru fuq min ma jappoġġjax lill-gvern.

Anki f’Malta, il-midja soċjali qed tintuża għal dan l-iskop bi gruppi li qed ikattru l-mibgħeda politika u li qed ikissru s-sens ta’ komunità. Dan minkejja li kien hawn deputati li sejħu għall-għaqda nazzjonali u biex titnaqqas il-politika partiġġjana estrema.

Jirriżulta li l-Prim Ministru u membri oħra tal-gvern huma membri ta’ dawn il-gruppi ta’ mibgħeda. Hu inaċċettabbli li prim ministru ma jiddistakkax ruħu minn dawn il-gruppi anki jekk is-sħubija fil-grupp tkun saret mingħajr l-approvazzjoni tiegħu. Dan jgħodd ukoll għal uffiċjali pubbiċi. Kull deputat membru ta’ dawn il-gruppi kellhom iwaqqafu s-sħubija f’dawn il-gruppi b’mod immedjat. L-online mobbiming jammonta għal attakk ta’ mibgħeda u tixwix li m’għandux post fis-soċjetà Maltija.