Lokali

Il-PN jitlob lir-regolatur jinvestiga l-abbuż li qed isir fuq in-nies bil-kontijiet

In-nies qed iħallsu kontijiet aktar għoljin milli suppost għad-dawl u l-ilma. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista talab uffiċjalment lir-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma sabiex jinvestiga l-kontijiet għoljin li qed joħorġu l-ARMS. Dan wara li l-Gvern qiegħed iħaddem ħażin is-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet.

Il-Partit Nazzjonalista talab ukoll lir-Regolatur biex jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jiddefendi l-interessi tal-konsumaturi. Dan hekk kif in-nies qed jirċievu l-kontijiet aktar spiss u jispiċċaw jitilfu l-allokazzjoni tagħhom tal-unitstat-tariffi l-baxxi u jispiċċaw iħallsu b’rati aktar il-għoljin milli susppost. Il-liġi tagħmilha ċara li jistgħu jintbagħatu kontijiet pro-ratalin-nies iżda t-tariffi għandhom japplikaw fuq il-konsum annwali, u allura l-konsum ta’ sena.

Mill-istħarriġ li sar fuq l-ewwel 100 kont li n-nies ġabu magħhom għand il-Partit Nazzjonalista jirriżulta li 80% tan-nies ħallsu aktar milli suppost. Din id-diskrepanza tvarja minn €6 sa €600 fis-sena. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ għaddej bl-eżerċizzju tal-analiżi tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma u jħeġġeġ aktar nies jiġu d-Dar Ċentrali u magħhom iġibu l-kontijiet ta’ sena sħiħa.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li f’soċjetà li jimpurtaha mill-ġustizzja soċjali, l-konsumaturi m’għandhomx jinsterqux tas-servizz li jingħataw. L-ittra lir-Regolatur ġiet ippreżentata mill-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament David Agius, il-President tal-Eżekuttiv l-Inġinier Mark Anthony Sammut u l-Kandidat l-Avukat Angelo Micallef.