Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-President Juncker u Casa jiddiskutu l-proposta tal-UE li se ssaħħaħ b’mod drastiku d-drittijiet tal-ġenituri

L-MEP David Casa f'laqgħa mal-President tal-Kummisjoni Ewropea Jean Claude Juncker dwar id-Direttiva tal-Bilanċ bejn il-Ħajja u x-Xogħol

Hekk kif bħalissa, David Casa qed jinnegozja ma’ kollegi mill-gruppi politiċi l-oħra dwar direttiva ġdida b’rabta mal-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, fi Strasburgu, ltaqa’ mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker u ddiskuta l-progress tar-rapport ta’ Casa.

Bħalissa, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew qed imexxi l-ħidma dwar dan il-fajl importanti fil-Parlament Ewropew. Il-proposta ambizzjuża hi l-ewwel miżura konkreta li oriġinat mill-pilastru soċjali Ewropew tal-President Juncker, u għandu l-għan li jżid b’mod drastiku d-drittijiet tal-ġenituri fl-Unjoni Ewropea.

“F’Malta, waħda mill-akbar bidliet se tkun l-introduzzjoni ta’ 10 t’ijiem ta’ leave tal-paternità mħallas fiż-żmien tat-twelid tat-tifel jew tifla. Dan se jwassal biex il-ġenitur jqassmu r-responsabbiltajiet mill-bidu tal-ħajja ta’ wliedhom, filwaqt li l-missirijiet jingħataw l-opportunità li jibnu rabta ma’ wliedhom f’dan iż-żmien kruċjali,” qal Casa.

Il-vot mistenni jittieħed f’Lulju fil-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, u f’Settembru fil-Plenarja. Casa, imbagħad, ikun qed jirrapreżenta l-Parlament Ewropew fin-negozjati mal-Kunsill tal-Ministri.

“Il-protezzjoni tal-ġurnalisti hi prijorità komuni” – David Casa wara l-laqgħa mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker

Waqt il-laqgħa, l-MEP Casa u l-President Juncker iddiskutew ukoll il-proposti ta’ Casa u rappreżentanti oħra mill-gruppi politiċi l-oħra, għal direttiva Ewropea kontra l-iSLAPP, biex jiġu indirizzati prattiċi abbużivi bl-intenzjoni li li jintimidaw u jsikktu ġurnalisti investigattivi.

“Biex demokrazija tkun qed taħdem kif suppost hemm bżonn ta’ media ħielsa li tkun protetta mill-abbuż, intimidazzjoni u t-theddid. Irridu nkunu viġilanti meta niġu biex nidentifikaw theddid fuq il-ġurnalisti investigattivi, u rridu nieħdu l-miżuri neċessarji li jindirizzawhom. L-iSLAPP hi waħda minn dawn it-theddid,” sostna Casa.

David Casa faħħar id-determinazzjoni tal-President Juncker biex jassigura li l-ġurnalisti fl-UE jkunu protetti.

Ir-rapport dwar id-direttiva ta’ bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol approvat mill-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Sadanittant, ilbieraħ filgħaxija, l-proposti dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol ġew approvati mill-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljana bejn is-Sessi. David Casa laqa’ b’sodisfazzjon dan il-pass, u qal: “Ħafna drabi, n-nisa jingħataw il-ġenb għaliex ħafna drabi jkunu huma li jieħdu l-leave tal-maternità u tal-ġenituri meta jkollhom wild ġdid. Għalhekk, m’għandux ikun hemm differenzi fil-pagi u l-pensjonijiet. Din id-direttiva hi pass kruċjali biex nindirizzaw dawn in-nuqqasijiet.”