Lokali

Joe Gambin jingħata l-aħħar tislima

L-attivist tal-Partit Nazzjonalista Joe Gambin ingħata l-aħħar tislima t-Tlieta wara nofsinhar wara incident sfortunat fir-residenza tiegħu stess.

Il-funeral tiegħu kien xhieda ta’ kemm l-eks Viċi President u eks Segretarju tal-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien kien maħbub minn nies ta’ kull twemmin politiku.

Għall-funeral attendiet delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija mill-Kap Adrian Delia kif ukoll eks mexxejja tal-partit.

Waqt l-omelija, Fr Luke Seguna qal li t-telfa ta’ Joe bla dubju qanqlet niket kbir, iżda ħarsa waħda lejn il-Knisja mimlija turi kif b’sempliċi tbissima, Joe mess il-qlub ta’ ħafna nies. Hu radd ħajr lill Alla tal-għomor li silef lil Joe.

Gambin għex żminijiet diffiċli għal kull min kien Nazzjonalist u ma kienx jibża’ jgħid li hu. Hu u sħabu kienu fortunati li telqu mill-każin f’jum meta grupp ta’ persuni għaddew b’karozza u sparaw fuq il-każin ta’ Ħal Tarxien, bl-istess arma li qatlet lil Raymond Caruana.

Intant, anke wara mewtu, Gambin se jibqa’ jgħin lil dawk fil-bżonn hekk kif il-familja bġest altruwist għażlet li l-organi tiegħu jingħataw b’donazzjoni.

 

Ritratti: Matthew Tabone