Ewropa Lokali

Malta se titlef €200 miljun f’fondi

Malta mistennija tkun wieħed mill-iktar jekk mhux l-iktar pajjiż li se jara tnaqqis fl-ammont ta’ fondi li jirċievi mill-Unjoni Ewropea.

Dan ħareġ mill-pjani tal-Kummissjoni Ewropea, kif żvelati t-Tlieta, li juru li Malta se tirċievi madwar €673 miljun f’fondi ta’ koeżjoni bejn l-2021 u l-2027, għalkemm fir-realtà meta wieħed iqis diversi fatturi fosthom l-inflazzjoni, dan l-ammont jinżel għal €597 miljun.

Għall-kuntrarju, jekk wieħed iħares lejn l-ammont ta’ fondi li akkwista pajjiżna bejn l-2013 u l-2020, f’pakkett finanzjarju miksub mill-amministrazzjoni tal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, Malta kienet irċeviet €800 miljun.

Dan ifisser li Malta se tara tnaqqis ta’ 24%, jew €200 miljun, skont analiżi li għamlet il-Financial Times.

Pajjiżi oħra, bħalma huma l-Italja, il-Greċja, ir-Rumanija u l-Bulgarija se jieħdu żieda li kapaċi tlaħħaq it-8% fuq l-ammont li rċivew fil-pakkett finanzjarju preċedenti. Dan hekk kif il-Kummissjoni Ewropea se tagħti lil dawn il-pajjiżi €8.2 biljun iktar mill-kumplament.

Iċ-ċifri proposti issa se jgħaddu quddiem il-Membri Parlamentari Ewropej u l-Kunsill tal-Ewropa, li formalment iridu japprovaw il-pakkett finanzjarju fi żmien 14-il ġurnata.

Fi stqarrija l-Gvern qal li dan qed iseħħ minħabba li l-Kummissjoni kienet ipproponiet tnaqqis tal-Politika ta’ Koeżjoni fil-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea, minħabba Brexit, kif ukoll minħabba li l-kumplament tal-politika settorjali, bħal f’dak li għandu x’jaqsam mal-agirkulturà, Erasmus+, immigrazzjoni u sigurtà għad trid titħabbar fil-jiem li ġejjin.