Internazzjonali

Uffiċjal tal-Korea ta’ Fuq iħejji għal żjara sinifikanti fl-Istati Uniti

 

Uffiċjal ewlieni tal-Korea ta’ Fuq se jkun involut f’taħditiet fi New York bħala parti mill-preparazzjonijiet għas-summit storiku bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-Mexxej Korean komunista Kim Jong-un.

Il-Ġeneral Kim Yong-chol — eks-kap tas-servizzi sigrieti tal-Korea ta’ Fuq u li kien anki negozjatur f’taħditiet preċedenti bejn pajjiżu u l-Korea t’Isfel — hu l-aktar uffiċjal għoli ta’ Pyongyang li qed izur l-Istati Uniti mill-2000.

Filwaqt li Yong-chol jitqies bħala personalità kontroversjali, il-President Trump, fil-preżent, qed jidher aktar ottimist dwar is-summit ma’ Kim Jong-un, fejn faħħar ‘il-livell’ tad-delegazzjoni Amerikana involuta fit-tħejjijiet għat-taħditiet storiċi mal-Korea ta’ Fuq.

Kien proprju l-ġimgħa l-oħra li Trump ħabbar li ‘kien qed jirtira mis-summit’. Iżda l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq, fl-aħħar jiem, stinkaw biex isalvaw din il-laqgħa importanti bejn il-Mexxejja li hi programmata għat-12 ta’ Ġunju f’Singapore.

Din għandha tkun l-ewwel darba fejn Mexxej tal-Korea komunista jiltaqa’ ma’ President Amerikan fil-kariga u l-introduzzjoni tal-Ġeneral Kim Yong-chol fin-negozjati hi sinifikanti peress li tenfasizza ‘ir-rieda tal-Korea ta’ Fuq fir-rigward tas-summit’.

Ir-rapporti qalu li l-Ġeneral Yong-chol ‘għandu jasal fl-Istati Uniti fis-sigħat li jmiss’ wara waqfa f’Beijing għal taħditiet mal-Uffiċjali taċ-Ċina.