Lokali

Dibattitu fil-PE jikkonferma li l-MEPS huma kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza Ewropea

Jeżisti qbil ċar fost il-Membri tal-Parlament Ewropew li ċ-ċittadinanza Ewropea m’għandiex tkun għall-bejgħ. Dan ħareġ ċar waqt dibattitu fis-sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu – dibattitu ddedikat fuq kif dawk magħrufa bħala l-Golden Visas qed iwasslu għall-korruzzjoni u l-kriminalità fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

F’isem il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew, fetħet id-dibattitu, l-MEP Maltija Roberta Metsola.

Il-pożizzjoni kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza ma kenitx riflessa biss minn MEPs tal-PPE. Anke MEPs minn gruppi politiċi oħra tkellmu kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza Ewropea, inkluż mill-Grupp Soċjalista.

Fid-dibattitu ħadu sehem ukoll l-MEPs Laburisti Alfred Sant u Miriam Dalli li spikkaw li kienu mal-minoranza li ddefendew dawn l-iskemi dubjużi, li kif sostnew bosta MEPs, qed iwasslu għal żieda fil-kriminalità u l-ħasil tal-flus fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Id-dibattitu tal-lum sar wara li f’Jannar 2014, il-Parlament Ewropew kien ivvota b’saħħa kbira kontra l-iskema tal-Gvern Malti li qed ibigħ il-passaport Malti, li jfisser iċ-ċittadinanza Ewropea.