Internazzjonali

Huma erba’ l-vittmi tal-attakk ta’ Liège

Jan Jambon, il-Ministru tal-Intern Belġjan, qal li t-terrorista li qatel żewġ pulizija nisa u persuna oħra t-Tlieta f’Liège kien diġà qatel persuna oħra ġurnata qabel.
It-terrorista, identifikat bħala Benjamin Herman, ċittadin Belġjan, kien ħa wkoll mara ostaġġ waqt l-isparatura tiegħu t-Tlieta u jidher li din irnexxielha tikkonvinċih ma joqtolx la lilha u la lil nies oħra. Dwar il-qtil tal-ġurnata ta’ qabel, Jambon qal li dan kien raġel li kien f’ċella f’ħabs Belġjan flimkien ma’ Herman. Jidher li dan qatlu permezz ta’ daqqa’ b’oġġett tqil fuq rasu.
Meta Herman wettaq il-qtil, hu kien fuq jumejn frank mill-ħabs. Hu tela’ fuq in-nisa pulizija minn wara u ħebb għalihom b’sikkina u mbagħad ħadilhom il-pistola u sparalhom. Hu mbagħżad fetaħ in-nar fuq raġel li kien f’karozza. Imbagħad ħa l-mara ostaġġ u mar jiġri jispara lejn skola. Imma ftit wara, huwa nqatel mill-Pulizija.
Jambon, kif ukoll il-Prim Ministru Belġjan Charles Michel u r-Re Philippe tal-Belġju marru jżuru lill-mara fl-isptar fejn tinsab rikoverata minħabba xokk kbir. Il-Pulizija temmen li l-mara evitat straġi fl-iskola.
Jambon qal li s’issa m’hemm xejn li jindika li Herman kellu kompliċi jew li kien qed jaġixxi fuq xi struzzjonijiet ta’ xi ħadd.