Ċifri uffiċjali tal-Eurostat jikkonfermaw it-tħassib li qed juru ħafna familji Maltin meta jirċievu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, hekk kif l-ilmenti tan-nies fl-aħħar ġimgħat komplew jiżdiedu.
Fil-fatt, iċ-ċifri ppubblikat illum juru biċ-ċar li Malta kienet fost dawk il-pajjiżi li fl-aħħar sena ra żieda fil-prezz tal-elettriku.
Fost il-pajjiżi membri fl-UE, l-akbar żieda fil-prezz tal-elettriku bejn l-2016 u l-2017 kienet reġistrata f’Ċipru, segwita mir-Rumanija u Malta. F’pajjiżna, kien ikkalkulat li kellna żieda ta’ 7.1% fil-prezz tad-dawl li jikkunsmaw il-familji.
Fl-Italja, il-kont tad-dawl roħos bi 11%, fil-Kroazja ir-roħs kien ta’ 7%, fis-Slovakkja r-roħs kien ta’ 6.2% filwaqt li fil-Greċja l-kont tad-dawl roħos b’6%.
Il-PN ilu ġimgħat isegwi din is-sitwazzjoni
In-nies ilhom xhur jilmentaw illi qed iħallsu kontijiet aktar għoljin milli suppost għad-dawl u l-ilma. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista ilbieraħ talab uffiċjalment lir-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma sabiex jinvestiga l-kontijiet għoljin li qed joħorġu l-ARMS. Dan wara li l-Gvern qiegħed iħaddem ħażin is-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet.
Mill-istħarriġ li sar fuq l-ewwel 100 kont li n-nies ġabu magħhom għand il-Partit Nazzjonalista jirriżulta li 80% tan-nies ħallsu aktar milli suppost.
Fi stqarrija, il-PN qal li l-istatistika Ewropea tal-Eurostat li ġiet ippubblikata llum turi kif Malta rat it-tielet l-akbar żieda fil-prezz tal-elettriku fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
In-nies qed jirċievu kontijiet tad-dawl u l-ilma aktar spiss u qed iħallsu aktar milli suppost.
Il-PN fakkar li ż-żieda ta’ 7.1% fil-prezz tal-enerġija għall-Maltin u l-Għawdxin jrid jittieħed ukoll fil-kuntest ta’ dak li żvelat The Guardian li xi ħadd għamel profitt ta’ $40 miljun f’sena waħda biss bid-deal ħażin li ġie ffirmat ma’ SOCAR għax-xiri tal-gass LNG għall-power station il-ġdida f’Delimara. Dan meta dawn l-$40 miljun setgħu marru biex jorħsu aktar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma tan-nies.
Il-Partit Nazzjonalista qal li se jibqa’ għaddej bl-eżercizzju tal-istħarriġ tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma u jistieden aktar nies sabiex jiġu d-Dar Ċentrali bil-kontijiet ta’ sena.
//= $special ?>