Il-Kummissjoni Ambjent fi ħdan il-Kurja tal-Arċisqof bgħatet ittra lis-sidien tal-lukanda li se tinbena flok l-ITS biex juru n-nuqqas ta’ qbil tagħhom għal dan l-iżvilupp.
Il-Kummissjoni Ambjent spjegat kif dan il-proġett jagħmel għajb lis-sistema tal-ippjanar li skont huma din is-sistema qed tiżżarma biex postha tieħdu sistema fejn il-prijorità tingħata lill-proġetti individwali aktar milli lill-proġetti li jiżguraw il-ġid komunitarju.
Huma saħqu li l-awtorità qiegħda twarrab ippjanar fit-tul u bil-għaqal biex tiffavorixxi approċċ frammentat ta’ proġetti imsejħa ta’ żvilupp.
Il-Kumissjoni Ambjent saqsiet ukoll liema interessi qed tħares l-Awtorità tal-Ippjanar.
Fl-osservazzjonijiet tagħha il-Kummissjoni Ambjent qalet li l-Floor Area Ratio mhux qed tiġi osservata. Qalet ukoll li ftit li xejn ingħatat konsiderazzjoni għall-impatt li ser ikollu fuq il-komunitajiet tal-madwar.
Studju li sar fuq l-impatt tat-traffiku juri b’mod ċar li jridu jsiru xogħlijiet infrastrutturali kbar biex jitnaqqas l-effet taż-żieda fit-traffiku li mistennija tinħoloq minħabba dan il-proġett u l-proġetti ġodda kollha fl-inħawi. Dan minbarra li dan il-proġett se jħalli impatt negattiv fuq is-sit ta’ Natura 2000 ta’ Pembroke.
Il-Kummissjoni Ambjent min-naħa tagħha talbet lill-Awtorità tal-Ippjanar biex issir pressjoni fuq il-Gvern ħalli jirrevedi u jippublika pjani lokali aġġornati. Sostniet li l-proġetti qed jiġu negozjati u jkunu mwiegħda qabel ma jkunu saru studji bir-reqqa u konsultazzjoni pubblika serja.
Fil-konklużjoni tagħha l-Kummissjoni Ambjent appellat lill-intrapriżi biex iħarsu lejn ir-responsabiltà soċjali korporattiva tagħhom.
//= $special ?>

