Il-Parlament ta’ Malta se jiġi estiż wara li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat b’mod sħiħ l-iżvilupp tas-sotterran tal-bini tal-Parlament li se jinbidel sabiex minnu jibdew jingħataw faċilitajiet parlamentari fosthom arkivju, librerija ta’ riċerka, kamra tal-kumitati u uffiċini għal-librara u riċerkaturi.
Il-pjanijiet jaħsbu sabiex fis-sit ikun hemm kamra għall-Kumitati mgħammra bit-teknoloġija neċessarja sabiex, kif isir waqt il-laqgħat tal-Kumitati l-oħra, il-proċeduri jiġu traskritti kif ukoll imxandra.
B’hekk jinżamm il-livell ta’ trasparenza li ntlaħaq mindu l-Parlament beda juża l-binja l-ġdida. Se jkun hemm ukoll post fejn jistgħu jinżammu l-arkivji, li attwalment qed jinżammu fi store ta’ ħanut faċċata tal-Parlament.
F’dan ir-rigward se jkunu qed jiġu stallati numru ta’ sistemi ta’ sigurtà kif ukoll sabiex ir-records tal-Parlament ikunu jistgħu jinżammu b’tali mod li jiġu ppreservati fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Dan minbarra bar tal-Parlament, fejn il-Membri jkunu jistgħu jiltaqgħu f’atmosfera inqas formali kif kien isir fil-Palazz tal-Granmastru.
Ix-xogħol, li qed isir taħt ir-responsabbiltà tal-Grand Harbour Regeneration Corporation, jinvolvi investiment ta’ €2.6 miljun u għandu jitlesta sa massimu ta’ sentejn.
Net News tkellem mal-Perit Clive Borg Bonaci, li jispjega kif dan il-proġett, li qed isir fil-mina li qabel kienet tal-istazzjon tal-ferrovija taħt Bieb il-Belt, joffri diversi sfidi.
Dan il-proġett kien sar neċessità hekk kif l-awtonomija li ngħata l-Parlament wasslet għal żieda fil-ħaddiema, waqt li l-ammont ta’ kumitati Parlamentari tela’ minn sitta għal tlettax.