Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

TAZZA TAD-DINJA: Salah se jdum tlieta jew erba’ ġimgħat biex jirkupra

Il-plejer Eġizzjan Mohamed Salah mistenni jdum bejn tliet ġimgħat jew erbgħa barra mill-azzjoni wara l-injury li sofra nhar is-Sibt li għadda fil-finali taċ-Champions League.

Dan ifisser li hu mistenni jitlef il-maġġoranza tal-partiti tal-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja.

Dan kien żvelat mit-tabib ta’ Liverpool Ruben Pons li spjega li jekk Salah idum barra tliet ġimgħat jirritorna għal logħob fid-19 ta’ Ġunju filwaqt li jekk idum ġimgħa aktar biex jirkupra jitlef il-partiti kollha mill-fażi tal-gruppi għax jirritorna fis-26 ta’ Ġunju, jum wara li l-Eġittu jilagħbu l-aħħar logħba tal-grupp kontra l-Arabja Sawdija.

Salah kien involut fi dwell mad-difensur ta’ Real Madrid Sergio Ramos u weġġa’ spalltu u kellu jkun mibdul wara biss nofs siegħa logħob. l-Eġittu jibdew l-impenji tagħhom fit-Tazza tad-Dinja fil-15 ta’ Ġunju bil-logħba kontra l-Urugwaj filwaqt li fid-19 ta’ Ġunju jilagħbu kontra r-Russja.

Jekk Salah idum erba’ ġimgħat biex jirkupra u l-Eġittu ma jgħaddux mill-gruppi dan ikun naqas milli jilgħab fit-Tazza tad-Dinja wara staġun mill-aqwa mal-klabb tiegħu.