Lokali

Approvata pompa tal-petrol f’art ODZ

Id-deputat Marthese Portelli ivvutat kontra dan l-iżvilupp fuq art ODZ

F’deċiżjoni kontroversjali, il-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar ivvota favur l-iżvilupp ta’ pompa tal-petrol f’Ħal Luqa fuq art ODZ. 7 membri tal-Bord ivvutaw favur, filwaqt li 4 ivvutaw kontra – fosthom id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli.

Il-permess inħareġ għal żvilupp fuq 3,000 metru kwadru, minkejja l-oppożizzjoni qawwija minn numru kbir ta’ għaqdiet ambjentali.

Il-pompa se tiftaħ quddiem l-uffiċini tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Apparti Marthese Portelli, anke Victor Axiak, Annick Bonello u Vince Cassar ivvutaw kontra. Il-bqija tal-membri, inkluż id-deputat laburista Clayton Bartolo, ivvutaw favur.

Intant, applikazzjoni oħra għall-pompa fil-Mosta ġiet rifjutata b’mod unanimu.