Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Jeremy Cardona spiċċa fil-mira ta’ sewwieq li għal xi raġuni, għafas il-gass għal fuqu.
L-attentat fuq Jeremy Cardona seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-4.30 ta’ waranofsinhar, fi Triq ix-Xatt kantuniera ma’ Triq il-Belvedere fil-Gżira – il-lokalita’ fejn Cardona huwa Kunsillier tal-Kunsill Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Ma’ NET News, Jeremy Cardona spjega li kien waqt li kien miexi, is-sewwieq beda jpaqpaqlu, iżda ma tax każ. X’ħin waqaf, waqfet il-karozza wkoll. Malli beda jaqsam it-triq, is-sewwieq tal-vettura għafas il-gass u saq b’veloċita’ miżjuda fid-direzzjoni lejn Cardona – kif jidher fil-filmat.
Cardona żied jgħid lil NET News li wara l-attentat, għal darba darbtejn is-sewwieq qallu: “Għax ma qgħadtx fin-nofs ħa ntajrek” u nfexx jgħajru bi kliem oxxen.
Filwaqt li mhux magħrufa x’kienet l-intenzjoni tas-sewwieq, NET News jinsab infurmat li r-raġel huwa magħruf mal-Pulizija u wara dan l-inċident mistennija jittieħdu passi fil-konfront tiegħu.
//= $special ?>